Il-Pulizija uffiċjalment għalqet l-investigazzjoni tagħha dwar is-Segretarju tat-Taqsima tat-trasport, Marittima u Avjazzjoni tal-GWU u kkonfermat li mhux se tkun qiegħda tieħu l-ebda azzjoni oħra fil-konfront tiegħu.
Dan l-eżitu ntlaqa’ mill-GWU b’sodisfazzjoni kbir għax jikkonferma preċiżament dak li l-Union tenniet sa mill-bidu nett tal-każ… jiġifieri li s-segretarju ta’ trade union li jaġġorna lil sħabu dwar l-istat tal-ftehim kollettiv tagħhom ma jwettaq l-ebda reat. Din hija funzjoni protetta bil-liġi.
Il-pulizija kellha l-obbligu li tinvestiga wara li rċiviet rapport formali u l-GWU qatt ma sostniet mod ieħor. L-investigazzjoni ħadet il-kors tagħha u s-Segretarju tat-Taqsima m’għadux aktar taħt theddida ta’ proċeduri kriminali kontrih.
Madankollu, jibqa’ l-fatt inkwetanti li l-Kummissjoni Elettorali mmexxija mis-Sur Joseph Camilleri għażlet li ma tidħolx fil-mertu tal-mistoqsijiet li sarulha minn IT-TORĊA dwar il-kwerela kriminali ppreżentata kontra s-Segretarju tat-Taqsima tat-Trasport, Marittima u l-Avjazzjoni tal-GWU.
Mistoqsijiet li rrispettivament mill-eżitu tal-investigazzjoni tal-pulizija jibqgħu hemm: dwar proporzjonalità, dwar ċarezza legali, dwar il-limiti tal-jum ta’ silenzju elettorali, u fuq kollox dwar jekk uffiċjali ta’ trade unions jistgħux jibqgħu jaqdu dmirhom mingħajr biża’ meta l-membri tagħhom jitolbu tweġibiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
It-Torċa staqsiet lill-Kummissjoni Elettorali jekk tqisx li l-provvedimenti tal-jum ta’ silenzju elettorali japplikaw għal komunikazzjoni bejn segretarju ta’ union u l-membri tiegħu dwar negozjati li jkunu għaddejjin fuq ftehim kollettiv.
Fost il-mistoqsijiet li ntbagħtu kien hemm ukoll jekk il-Kummissjoni tqisx li proċeduri kriminali kontra segretarju ta’ union għal komunikazzjoni dwar ftehim kollettiv humiex rispons proporzjonat, u jekk azzjoni ta’ din ix-xorta tistax tiskoraġġixxi uffiċjali oħra ta’ unions milli jikkomunikaw mal-membri tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ impjieg waqt perjodi elettorali fil-futur.
Dawn huma mistoqsijiet li jmorru lil hinn minn każ individwali. Imorru fil-qalba tad-dritt ta’ ħaddiem li jdur fuq il-union tiegħu meta jkollu bżonn kjarifika dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Imorru wkoll fil-qalba tad-dritt tal-union li twettaq ir-rwol rappreżentattiv tagħha mingħajr biża’ li komunikazzjoni interna, mhux politika, tista’ tispiċċa kriminalizzata.
Minkejja dan, wara kwerela kriminali ppreżentata mill-Kummissjoni Elettorali, Azzopardi spiċċa taħt investigazzjoni fuq allegat ksur tal-jum ta’ silenzju elettorali. Huwa ġie interrogat taħt twissija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, qal li l-ewwel dmir ta’ segretarju ta’ union huwa lejn il-membri tiegħu. Huwa sostna li meta l-ħaddiema jfittxu kjarifika dwar il-ftehim kollettiv tagħhom stess, is-Segretarju għandu d-dmir li jwieġeb. “Dan mhu ksur ta’ ebda liġi – huwa l-aktar rwol bażiku u fundamentali li twettaq trade union,” qal Camilleri.
Huwa żied li l-GWU mhix se taċċetta sitwazzjoni fejn uffiċjal tagħha jiffaċċja proċeduri kriminali talli wettaq dmiru lejn il-membri. Il-union qalet li se tiddefendi lis-segretarju bis-sħiħ u, jekk ikun hemm bżonn, tressaq il-kwistjoni quddiem korpi internazzjonali li għandhom ir-rwol li jipproteġu l-libertà tat-trade unions.
Dan il-każ iqajjem prinċipju fundamentali: f’soċjetà demokratika, komunikazzjoni dwar kundizzjonijiet tax-xogħol minn Union, m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala att politiku. Is-Segretarju ta’ union li jikkomunika mal-membri tiegħu dwar l-impjieg tagħhom mhuwiex qed jagħmel kampanja. Qed jagħmel xogħlu.
Il-GWU tagħmilha ċara li t-tħassib tagħha mhuwiex indirizzat lejn il-Pulizija, li wara kwerela formali għandha d-dmir tinvestiga. It-tħassib, skont il-union, huwa dwar il-kwerela nnifisha u dwar il-preċedent li tista’ toħloq jekk komunikazzjoni trejdunjonistika dwar negozjar kollettiv tiġi trattata bħala kwistjoni kriminali fil-kuntest elettorali.
It-tħassib tal-GWU huwa fil-konfront tal-Kummissjoni Elettorali li baqgħet siekta fuq każ fenn il-bżonn ta’ risposti u kjarifiċi huma essenzjali biex kull ħaddiem li qed jaqdi dmiru f’union ma jħossu qatt mhedded waqt il-qadi ta’ dmiru. Huma essenzjali biex għada azzjonijiet similari ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.


