Friday, May 9, 2025

12-il sena ħabs fuq traffikar ta’ kokaina

Aqra wkoll

Raġel ta’ 40 sena kien ikkundannat 12-il sena ħabs u mmultat €25,000 wara li ammetta flok għadda ġuri li traffika d-droga. 

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien akkużat li nhar it-22 ta’ Jannar 2019 ittraffika u kien fil-pussess tad-droga kokaina. Huwa kien akkużat ukoll li kellu d-droga kannabis fil-pussess tiegħu, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri semgħet lill-akkużat jammetti għall-akkużi miġjuba kontrih u kkonferma din l-ammissjoni wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha. 

Il-Qorti qalet li filwaqt li hu minnu li f’dan il-każ, l-ammissjoni saret fi stadju avvanzat tal-proċeduri, però fl-istess waqt ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-ġuri ma laħaqx ġie kompost u b’hekk ġew evitati spejjeż żejda u ġew evitati wkoll li jsiru l-preparamenti neċessarji għal ġuri.

Meta kkunsidrat dan kollu, il-Qorti qieset li għandha taderixxi mal-piena kif patteġġjata bejn l-Avukat Ġenerali u l-akkużat fir-rikors konġunt tagħhom, liema piena jirriżulta li hija waħda fil-parametri tal-liġi u li tirrispekkja l-gravità ta’ dik li l-akkużat ġie akkużat bih. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba konrih u kkundannatu għal perjodu ta’ 12-il sena priġunerija kif ukoll għall-ħlas ta’ €25,000.

Huwa kien ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €3,753 fi spejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti f’dawn il-proċeduri, liema ammon għandu jitħallas fi żmien sentejn. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport