Wednesday, April 24, 2024

120 persuna mistennija jixhdu fil-każ tal-Kappillan ta’ Marsaxlokk

Luke Seguna jħossu ħażin fl-awla

Aqra wkoll

Il-Pulizija ressqet fil-Qorti lill-Kappillan ta’ Marsaxlokk, Fr Luke Seguna ta’ 39 sena, u akkużatu b’miżapproprjazzjoni, frodi u falsifikazzjoni ta’ dokumenti fost akkużi oħra. 

Meta ddaħħal fl-awla, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet infurmata li l-imputat ma kienx qed iħossu sew u saħansitra kellha tintalab l-għajnuna ta’ tabib sabiex teżaminah fil-Qorti. 

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi hekk kif iridu jixhdu numru ta’ parruċċani li allegatament kienu tawh il-flus. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li hemm mal-120 persuna li marbuta magħhom hemm man-nofs miljun ewro. Min-naħa tagħha, id-Difiża appellat għal kawtela u biex ma jkunx hemm preġudizzju u spjegat li l-imputat għadu jmur għal viżti l-isptar minħabba li kellu kanċer. 

Aktar tard mistennija tittieħed id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tiegħu iżda għalissa kien se jinżamm taħt il-kustodja tal-pulizija fejn mistenni jarah ukoll tabib. 

Sadanittant, fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li s-saċerdot tpoġġa fuq administrative leave b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il-proċeduri.

Il-parroċċa se tkun taħt it-tmexxija ta’ amministratur maħtur mill-Arċisqof Charles Scicluna. L-Arċidjoċesi offriet il-koperazzjoni sħiħa tagħha lill-awtoritajiet u se tfittex li tistabbilixxi jekk il-kappillan mexiex ma’ policies dwar donazzjonijiet li huma diġà stabbiliti.

Minħabba li għaddejjin proċeduri, l-Arċidjoċesi qalet li ma kinitx se tikkummenta dwar dan il-każ.

Sport