Sunday, May 5, 2024

15-il sena ħabs talli sfiguraw mara għal għomorha biex serqulha €70

Aqra wkoll

Raġel ta’ 47 sena u mara ta’ 29 sena ntbagħtu 15-il sena ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li aggredew mara, serqulha l-handbag u kkaġunawlha ksur f’rasha. 

Ramon Abela u Miriam Elabed kienu mixlija li fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Mejju 2019, fi Triq Manwel Dimech, Tas-Sliema, serqu basket ta’ mara mill-Maċedonja u li kkaġunawlha diżordni f’moħħha.

Huma kienu mixlija wkoll li saru riċedivi filwaqt li Elabed waħedha kienet mixlija li wettqet reat fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

Il-vittma kienet irrapportat li persuna kienet aggredietha biex tisraqha u bdiet issawwatha b’biċċa metall. Din il-persuna kien irnexxielha tieħu l-basket tagħha u rikbet f’vettura ta’ lewn griż. F’dan il-basket kien hemm €70 fi flus kontanti, mobile phone, passaport tal-Maċedonja kif ukoll ċekk.

Minħabba f’dan l-inċident, il-vittma kienet iċċertifikata li weġġgħet gravi. Il-Pulizija minnufih bdiet bl-istħarriġ tagħha fejn fuq il-post tal-aggressjoni sabu mera ta’ Mercedes bil-cover griż li nġabret għal aktar investigazzjoni.

Ġew elevati wkoll numru ta’ CCTVs li kien hemm fl-akwati fejn ġiet innutata karozza tal-istess għamla simili għal dak li ddeskriviet il-vittma.

Il-Pulizija kellmu sid il-karozza li qalilhom li kien biegħha lil omm Elabed u kien jaf li l-akkużata kienet tużaha. Dakinhar huwa nnota li l-cover tal-mera tan-naħa tax-xellug tal-vettura kien imisser. 

Il-Pulizija arrestat lil Elabed u din spjegatilhom x’ġara u qaltilhom li Abela kien li seraq u li hija kienet miegħu. Abela min-naħa tiegħu għall-ewwel kien ċaħad l-involviment tiegħu fis-serqa iżda wara kkonferma li kien preżenti. 

Huwa mbagħad ħa lill-pulizija fl-inħawi ta’ Bormla, fejn indika skip li minnha identifika l-ħadida li ntużat kif ukoll xkora, li qal li hi tiegħu, li fiha nstab il-handbag, il-wallet u l-portmoni li kienu tal-vittma.

Wara li semgħet ix-xhieda, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li m’hemmx dubju li l-akkużati kienu involuti fis-serqa. Qalet li t-tnejn li huma waħħlu f’xulxin għall-aggressjoni iżda temmen li kienet l-imputata li sawtet lill-vittma filwaqt li r-raġel baqa’ jistennieha sakemm wettqet is-serqa. 

Il-Maġistrat Frendo Dimech iddeskriviet lil Elabed, bħala aggressur inumana, kiefra u krudili, nieqsa minn kull fibra morali u ċivili li attakkat b’tant ferneżija bestjali lill-povra mara. 

Il-Qorti qieset is-serjetà tal-akkużi li dwarhom qed tinstab ħtija, tal-brutalità u l-kefrija li wrew l-imputati meta mmassakraw mara li bla dubju, kif iddikjarat l-uffiċjal tal-probation, se tibqa’ sfreġjata psikoloġikament għal għomorha. “Huma ma wrew lanqas farka ta’ rimors għal għemilhom. Dan jixhdu l-karattru tal-imputati; persuni bla qalb, għeri minn kull umanità u ċivilità. 

“Huwa ovvju li dawn it-tnejn mhumiex denji jew intitolati jitħallew jiċċrikolaw fil-komunità qabel ma jitgħallmu jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż. Dan bil-għan lil-membri tal-istess soċjetà li għaliha huma minaċċja reali tkun tista’ tgħix bla biża’ minn dawn il-predaturi fejn kull membru tagħha ħabta u sabta jista’ jisfa vittma u priża.” 

“Il-Qorti hija obbligata li tqis l-impatt li reati simili mwettqa b’tant ħażen u inumanità, iħallu fuq il-membri tas-soċjetà. Soċjetà li trid tiġi protetta minn predaturi bħalhom u dan billi l-istess imputati jiġu inkarċerati bil-għan li dan iż-żmien ta’ inkarċerazzjoni iservi għar-rijabilitazzjoni tagħhom.”

Kien għalhekk li waqt li sabithom ħatja, ikkundannat lil Elabed 8 snin ħabs u lil Abela għal 5 snin ħabs. Elabed weħlet sentejn ħabs oħra fuq każ ieħor biex ġiet ikkundannata b’kollox 10 snin ħabs. 

Il-Qorti ordnat ukoll biex bħala kumpens lill-vittma għall-ġrieħi li sofriet u r-reati li ġarrbet, Elabed tikkumpensaha fl-ammont ta’ €6,000 filwaqt li Abela ġie ordnat jikkumpensaha fl-ammont ta’ €3,000.

Sport