Tuesday, April 30, 2024

Rebbieħ ta’ lotterija fl-Indja jisħet il-mument minħabba talbiet inkontrollabbli għall-għajnuna

Aqra wkoll

Rebbieħ tal-lotterija fl-Indja jinsab urtat bit-talbiet għal għajnuna finanzjarja tant li qiegħed jisħet il-mument li rnexxielu jirbaħ il-premju.

Anoop li jaħdem bħala xufier fl-istat ta’ Kerala rebaħ madwar €3,160,000 f’lotterija tal-istat aktar kmieni dan ix-xahar.

Intant xi jiem wara, huwa xerred filmat li fih talab lill-pubbliku biex jieqaf idejjaq lilu u lil familtu b’dawn it-talbiet.

“Nixtieq li ma rbaħtx l-ogħla premju”, kompla jgħid filwaqt li saħaq li x’aktarx kien ikun iżjed kuntent kieku rebaħ it-tielet premju. Huwa żied jgħid li qiegħed jikkunsidra li jibdel ukoll ir-residenza tiegħu sabiex ikun jista’ jaħrab l-attenzjoni tal-pubbliku.

Huwa spiċċa fuq l-aħbarijiet kollha tal-pajjiż wara li rnexxielu jirbaħ l-ogħla premju li qatt kien offrut waqt l-istess lotterija.

Anoop xtara il-biljett fis-17 ta’ Settembru, ġurnata qabel kellu jħalli l-pajjiż biex imur lejn il-Malasja għal impjieg ġdid. Skont rapporti huwa xtara l-biljett billi kisser il-karuż ta’ ibnu.

Fil-filmat huwa qal li kif hu u familtu skoprew li kienu rebħu kien mument ta’ ferħ kbir. Madanakollu s-sitwazzjoni nbidlet f’waħda li ma għandhomx kontoll fuqha fejn saħansitra lanqas jistgħu joħorġu minn darhom f’każijiet ta’ emerġenza.

Huwa temm isostni li l-akbar problema li l-pubbliku donnu mhux jifhem li lanqas kieku jrid, s’issa għadu ma rċieva l-ebda flus u għalhekk żgur li ma jistax jgħin lil ħaddieħor f’dan l-istadju. 

Sport