Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri attenda għall-Artistic Swimming National Championships li ttellgħu bejn it-8 u t-12 ta’ April 2026 fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku, ir-Rabat Għawdex.
Il-Ministru Camilleri stqarr li “220 atleta u uffiċjali minn 17-il pajjiż differenti minn madwar d-dinja għażlu hawnhekk għal ħamest ijiem sħaħ ta’ kompetizzjonijiet li ttellgħu fil-Padiljun Sportiv u Akkwatiku. Dawn il-kompetizzjonijiet li kienu miftuħa għall-pubbliku attiraw ukoll aktar turiżmu sportiv lejn din il-gżira. Bħala Ministeru nibqgħu kommessi li nissapportjaw avvenimenti bħal dawn sabiex Għawdex ikompli jitniżżel fuq il-mappa sportiva dinjija u jattira lejh aktar kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali.”
Din kienet ir-raba’ darba li qed tittella’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża u l-ewwel darba f’Għawdex. Dawn il-kampjonati offrew wirja mill-aqwa ta’ preċiżjoni, saħħa u arti fl-ilma, bil-kompetizzjonijiet baqgħu għaddejjin mill-Ħamis sal-Ħadd li għadda.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li bit-talent internazzjonali li ngħaqad fil-gżira Għawdxija għall-kompetizzjonijiet tal-artisic swimming, l-avveniment kien wieħed mill-avvenimenti sportivi ewlenin tal-ġimgħa, kif ukoll mument importanti ħafna għall-għawm artistiku lokali.

