Il-vouchers għall-inizjattiva tat-tħawwil tas-siġar bdew jinħarġu lill-ewwel grupp ta’ benefiċjarji li temmew b’suċċess il-proċess ta’ verifika sal-ġimgħa li għaddiet.
Matul l-avveniment għall-familja “Family in the Park” li sar f’Minden Grove f’Ta’ Qali, l-ewwel benefiċjarji ġew mistiedna jiġbru s-siġar tagħhom. L-avveniment offra wkoll opportunità lill-familji u lit-tfal biex jinvolvu ruħhom fl-inizjattiva, filwaqt li l-benefiċjarji setgħu jiltaqgħu mal-uffiċjali ta’ Project Green u mas-suppliers tas-siġar u jiddiskutu l-kura u l-manutenzjoni tagħhom.
“Meta konna ħabbarna din l-iskema biex jitħawlu f’pajjiżna aktar minn mitt elf siġra, lanqas immaġinajna li ser ikun hemm interess daqshekk qawwi u din l-inizjattiva issa daħlet f’fażi oħra hekk kif l-ewwel benefiċjarji qegħdin jieħdu dawn is-siġar biex jitħawlu f’postijiet differenti madwar il-pajjiż ħalli mbagħad, pass wara l-ieħor, inkunu wassalna u tajna dawn is-siġar lil dawk kollha li wrew interess,” qalet il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli waqt dan l-avveniment.
L-applikanti eliġibbli, dawk li għandhom aktar minn tomna art, li applikaw għal aktar minn ħamsa u erbgħin siġra u li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, jistgħu jsarrfu dawn il-vouchers minn numru ta’ partner suppliers u jingħataw is-siġar mingħajr ħlas.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa biss, inħarġu vouchers li jammontaw għal 13,000 siġra. Il-ħruġ tal-vouchers se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif aktar applikanti jgħaddu mill-proċess ta’ verifika.
L-ewwel grupp ta’ parteċipanti diġà bdew jiġbru s-siġar tagħhom wara li sarrfu l-voucher, u b’hekk qed jiġi mmarkat l-istadju inizjali tal-implimentazzjoni ta’ dan l-isforz fuq livell nazzjonali. L-inizjattiva għandha l-għan li tħeġġeġ lis-sidien tal-art madwar Malta u Għawdex biex jikkontribwixxu biex tiżdied il-kopertura tas-siġar u jiġi promoss użu sostenibbli tal-art permezz tat-tħawwil kemm ta’ siġar produttivi kif ukoll mhux produttivi.
L-Espressjoni ta’ Interess għall-Parteċipazzjoni fl-Inizjattiva għat-Tħawwil tas-Siġar kienet tnediet f’Ottubru tal-2025, fejn dakinhar kienu wrew l-interess tagħhom qrib l-2,000 persuna. Minn dawn, madwar 900 persuna indikaw li kellhom iktar minn tomna raba disponibbli. Sussegwentament, l-ewwel benefiċjarji li ssodisfaw il-kriterji tal-eliġibilità bdew jirċievu l-ewwel vouchers. L-1,100 persuna li indikaw li għandhom inqas minn tomna raba’, se jkunu qed jgħaddu minn evalwazzjoni u se jibdew jirċievu l-voucher tagħhom fil-ġimgħat ta’ wara.
Is-siġar f’din l-inizjattiva jinkludu kemm siġar produttivi kif ukoll mhux produttivi, biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-art. Il-lista tas-siġar kif ukoll il-lista tal-fornituri tas-siġar jinsabu fis-sit elettroniku ta’ Project Green www.projectgreen.mt
L-inizjattiva, immirata biex tappoġġja l-agroforestrija u r-reżiljenza tal-klima, se tibqa’ miftuħa sa tmiem is-sena d-dieħla, bi preferenza tingħata lil dawk l-applikanti li kienu wrew l-interess tagħhom fl-Espressjoni ta’ Interess tas-sena li għaddiet. Kull min huwa interessat u ma esprimiex l-interess tiegħu f’Ottubru li għadda, xorta waħda jista’ japplika billi jżur is-sit elettroniku. Intant, it-tieni fażi tal-iskema se tidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif jibdew jiġu kkuntattjati dawk l-individwi li kellhom inqas minn tomna raba u talbu inqas minn ħamsa u erbgħin siġra.
Għal aktar informazzjoni jew għal għajnuna biex timtela l-applikazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq il-Freephone ta’ servizz.gov 153 (Ext.20) jew jibgħat email fuq [email protected]

