Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar fil-Parlament li l-Gvern diġà kkommetta nfieq ta’ €1.3 biljuni ta’ Fondi Ewropej mill-pakkett rekord ta’ €1.7 biljuni li kisbet Malta b’riżultat tan-negozjati li kien mexxa l-Prim Ministru Robert Abela fl-2020.
Huwa stqarr li l-fondi mill-programm preżenti qegħdin jiġu investiti b’mod mill-aktar għaqli f’inizjattivi li jwasslu direttament għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-infieq minn dawn il-fondi qed isir b’reqqa, attenzjoni u serjetà. Il-programm ta’ investimenti qed jitmexxa minn Managing Authority li tagħmel ix-xogħol tagħha b’serjetà, skont prijoritajiet ċari, skont ir-regolamenti u fl-istess waqt hemm skrutinju ċar u b’saħħtu dwar kif qed jintefqu dawn il-flus.
Huwa stqarr li fil-qasam tal-fondi Ewropej mhuwiex biss li meta jasal il-mument tara li tikseb l-aqwa riżultat imma matul is-7 snin tal-programm trid tara li l-amministrazzjoni pubblika tkun qed taħdem b’effiċjenza u li tonfoq skont ir-regoli u l-prijoritajiet tal-pajjiż.
Huwa stqarr li l-Gvern Laburista għandu track rekord impekkabbli għax irnexxielu jassorbi l-Fondi Ewropej kollha tal-programm li ntemm fis-sena 2020. Huwa fakkar fl-isfida li kellhom l-ex Deputat Prim Ministru Louis Grech u l-Ministru Ian Borg meta fl-2013, Gvern Laburista sab li fil-programm li kien qed jagħlaq, kien għad fadal miljuni kbar f’jintefqu b’riskju kbir li dawn setgħu jintilfu.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi mbagħad għadda biex ta diversi eżempji ta’ kif l-investimenti li qed isiru mill-Fondi Ewropej qed jaslu direttament għand in-nies. Innota li aktar minn 45,000 persuna kisbu ħiliet ġodda permezz ta’ fondi Ewropej. Hemm madwar 12,000 persuna li rnexxielhom jidħlu mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol.
Hawnhekk huwa stqarr li l-European Social Fund Plus huwa fond tal-Unjoni Ewropea li tassew iħalli impatt pożittiv bl-investimenti minnu jmorru direttament għand in-nies bħall-inizjattivi kollha li tieħu l-JobsPlus b’investimenti f’nies li jkunu ġejjin minn ċirkustanzi diffiċli u li bis-saħħa ta’ dawn l-investimenti jibdew jimxu ‘l quddiem. Il-Ministru fakkar fil-ġid li qed jinkiseb minn eluf ta’ studenti, għalliema u oħrajn bis-saħħa tal-programmi ta’ Erasmus+ li bih qed jingaħtaw opportunita ta’ aktar kreattivita u li żgħażagħ jaħdmu flimkien.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rrefera wkoll għall-investimenti importanti minn Fondi Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni fosthom il-programm One Device Per Child, għal studenti fis-7, 8 u 9 sena tal-iskejjel kollha. Huwa qal li b’dan l-investiment, il-Gvern qed jagħti l-għodda biex it-tfal tagħna jkunu jitħejjew għall-futur. Semma l-binja l-ġdida tal-ICT fl-MCAST, il-bini ta’ skola ġdida fin-Naxxar, u l-boroż ta’ studji ġodda li għadhom kemm tħabbru, kollha proġetti ko-finanzjati minn Fondi Ewropej.
Semma kif dejjem emmen li s-suċċess ta’ Malta huwa dovut għall-ispirtu ta’ intrapriża li għandhom il-Maltin u fisser kif huwa ltaqa’ ma’ bosta negozji żgħar li għalihom il-fondi Ewropej għamlu differenza kbira. Huwa ta l-eżempju ta’ ħaddiem li kien impjegat fis-settur tal-għamara u mbagħad iddeċieda li jikseb fondi Ewropej biex iwettaq il-ħolma tiegħu li jkollu n-negozju tiegħu. Permezz tal-fondi, xtara l-apparat li bih irnexxielu jibni l-azjenda tiegħu. Bil-Fondi Ewropej qed jingħata sostenn għan-negozji ż-żgħar u l-gvern qed jibgħat messaġġ ċar lin-negozji ż-żgħar li jrid jgħinhom jimxu ’l quddiem.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi mbagħad irrefera għall-investimenti kbar li saru minn Fondi Ewropej fil-qasam tas-saħħa u semma kif ftit tal-jiem ilu ġie inawgurat l-apparat tal-MRI fl-Isptar San Vinċenz. Dan huwa investiment f’makkinarju mill-aqwa li mhux biss se jgħin għad-dijanjosi tal-mard għar-residenti ta’ San Vinċenz biss, iżda anke biex ikun hemm inqas stennija għal dan is-servizz. Fondi Ewropej oħra qed jintużaw għat-taħriġ fil-qasam tas-saħħa.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi rreferea għall-qasam tal-agrikoltura fejn aktar minn 3,000 persuna li jaħdmu fis-settur ibbenefikaw minn fondi Ewropej, fosthom bdiewa żgħażagħ li daħlu fis-settur għall-ewwel darba. Huwa fakkar fl-investimenti li saru minn Fondi Ewropej f’toroq rurali għall-bdiewa u anke fl-infrastruttura li nbniet biex l-ilma msoffi mid-drenaġġ, li New Water, jitwassal għand il-bdiewa.
Semma wkoll l-investimenti kbar fil-qasam tal-enerġija bil-bini ta’ ċentri ġodda għad-distribuzzjoni, it-tisħiħ fil-linji tal-elettriku mal-pajjiż kollu u l-akbar proġett f’dan il-qasam, dak tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. Huwa qal li dan huwa proġett ta’ €300 miljun, aktar minn nofshom iffinanzjati minn Fondi Ewropej, li se jkompli jiggarantixxi li l-pajjiż ikollu l-enerġija li għandu bżonn skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp qawwi tal-ekonomija Maltija. Fil-qasam tal-ilma, sar l-investiment f’Għawdex b’impjant tar-reverse osmosis li mhux biss kapaċi jlaħħaq mad-domanda tal-ilma tal-gżira Għawdxija imma jista’ wkoll isosnti l-provvista tal-ilma f’Malta.

