Fit-tieni kwart tal-2024, it-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex irreġistra żidiet fil-passiġġieri, fil-vetturi u fil-vjaġġi meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2023.
Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika – NSO.
Bejn April u Ġunju 2024, saru total ta’ 11,320 vjaġġ, li ġarrew total ta’ 1,790,208 passiġġieri. Mejju kien l-aktar xahar impenjattiv meta fih saru total ta’ 3,970 vjaġġ jew 35.1% tal-vjaġġi kollha fʼdan il-perjodu.
Dwar it-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, ir-rapport tal-NSO jgħid li fit-tieni kwart tas-sena kien hemm 1,537,248 passiġġier u dan ifisser tnaqqis ta’ 0.3% meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2023. L-ogħla numru ta’ passiġġieri kien irreġistrat f’Mejju — 524,731 jew 34.1% tat-total għat-trimestru. Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ vetturi żdied bʼ1.9% għal total ta’ 527,931.
Fit-tieni kwart tas-sena, l-għadd ta’ vjaġġi laħaq it-8,963, li hija żieda taʼ 0.7% fuq l-istess żmien fl-2023. FʼMejju kien irreġistrat l-ogħla numru ta’ vjaġġi – 3,011 jew 33.6% tal-vjaġġi totali għat-trimestru.
Bejn Jannar u Ġunju 2024, il-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt kellhom l-aktar traffiku taʼ passiġġieri u vetturi li oriġinaw miċ-Ċirkewwa. Min-naħa l-oħra, fil-Ħdud u s-Sibtijiet kien hemm l-aktar traffiku taʼ passiġġieri li oriġinaw mit-terminal tal-Imġarr, filwaqt li t-traffiku tal-vetturi mill-istess naħa kien l-ogħla fil-Ħdud u t-Tnejnijiet.
L-istess rapport jitratta wkoll it-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta servizz li jiġi offrut permezz tal-Fast Ferry.
Matul it-tieni kwart tal-2024, saru total ta’ 2,357 vjaġġ li ġarrew total ta’ 252,960 passiġġier. Meta mqabbel mal-istess żmien fl-2023, l-għadd ta’ vjaġġi żdied bʼ4.6%, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri żdied bi 38.4%. Ix-xahar taʼ Mejju rreġistra kemm l-ogħla numru ta’ vjaġġi – 959 jew 40.7%, kif ukoll l-ogħla numru ta’ passiġġieri – 103,279 jew 40.8% – għat-tieni kwart tas-sena.