Sunday, December 22, 2024

18-il xahar ħabs għal raġel li beżża’ u hedded lil martu u l-erba’ wliedhom

Aqra wkoll

Raġel ta’ 46 sena mill-Fgura, li ismu ma jistax jixxanda fuq ordni tal-Qorti biex b’hekk ma tinkixifx l-identità tal-qraba tiegħu, ġie kkundannat 18-il xahar ħabs wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li beżża’ u hedded lil martu u lill-erba’ uliedhom.

Ir-raġel kien mixli mill-Ispettur Omar Zammit li wettaq dawn ir-reati fil-31 ta’ Diċembru 2022 u fil-ġranet u xhur ta’ qabel.

Il-Maġistrat Lia waqt li kienet se tagħti l-piena qalet li hu kien diġà ġie kkundannat għal aġir simili li kien seħħ fil-konfront ta’ martu u uliedhom. Qalet li hu kien ingħata diversi opportunitajiet biex jirriforma ħajtu, iżda qatt ma sfruttahom jew irriforma ruħu.

Il-Qorti qalet ukoll li hu ammetta wara li l-Prosekuzzjoni ressqet il-provi kollha. Kien hemm qbil bejn il-Prosekuzzjoni u d-difiża li hu jingħata sentenza ta’ sena u nofs ħabs.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trattament għal tliet snin kif ukoll ordni ta’ trażżin għall-istess perjodu biex tipproteġi lill-mara u lit-tfal tiegħu.

Ekonomija

Sport