F’intervista fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello qal li fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit irnexxielu jagħmel qabża ‘l quddiem.
Charles Bonello li l-futur tiegħu fil-kariga li jokkupa fil-Partit Nazzjonalista hija waħda inċerta hekk kif jidher li t-tmexxija trid teliminah, qal li “bħalissa kulħadd qed jistaqsi dwar x’inhi t-triq għall-quddiem li għandu jaqbad il-Partit Nazzjonalista hekk kif l-elezzjoni ġiet u għaddiet u tlifna din l-elezzjoni. Il-Partit Laburista tilef nofs il-vantaġġ li kien rebaħ erba’ snin ilu, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas sew dak l-iżvantaġġ, imma finalment ir-riżultat hu dak li hu… tlifna b’22,000 vot.”
Ikompli jgħid li “rridu nifhmu li filwaqt li tlifna din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jagħmel qabża ’l quddiem.
“Dan wara li fl-aħħar tliet elezzjonijiet il-Partit Nazzjonalista tilef b’marġini ta’ 36,000/39,000 vot. Issa u għall-ewwel darba, il-Partit Nazzjonalista – bis-saħħa ta’ ħafna nies imma prinċipalment grazzi għall-fatt li fl-aħħar seba’ xhur saru kisbiet importanti taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg – il-Partit Nazzjonalista kiseb riżultat elettorali ferm differenti milli nkisbu fl-aħħar elezzjonijiet,” jgħid Bonello f’intervista fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Gvern Laburista mhux bilgħaqal
Fl-istess intervista, is-Segretarju Ġenerali tal-PN jgħid li l-Partit Laburista “qatt ma rnexxielu jagħmel leġiżlatura sħiħa fil-Gvern. Minkejja l-maġġoranzi kbar li bihom rebaħ dawn l-elezzjonijiet. U dan kollu jirrifletti kemm dan hu Gvern li qed ibati frott in-nuqqas ta’ għaqal tiegħu stess.”
Jgħid li minkejja li l-PN tilef din l-elezzjoni wieħed irid jirrkonoxxi li l-istess partit irnexxielu jimxi nofs triq.



