Saturday, December 21, 2024

3 persuni l-Isptar wara argument fid-diskoteka La Grotta f’Għawdex

Aqra wkoll

Kien għall-ħabta tas-1.50am ta’ dalgħodu meta l-pulizija ġew imsejħa fid-diskoteka La Grotta li tinsab fil-limiti tal-Munxar f’Għawdex biex jassistu wara li kien hemm argument bejn diversi persuni.

Il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani filwaqt li kkonferma ma’ dan is-sit li seħħ dan l-argument qal li b’kollox idaħħlu 3 persuni l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, wieħed Għawdxi u tnejn barranin. Dan is-sit jinsab informat li l-barranin huma ta’ nazzjonalità Albaniża.

Fuq il-post mar tim mediku b’ambulanza li mill-ewwel bdew jagħtu l-ewwel għajnuna lil persuni nvoluti fil-ġlieda, u wara ttieħdu lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għal aktar kura.

Waqt dan l-argument l-Għawdxi intlaqat minn flixkun tal-ħġieġ u ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

Wieħed mill-barranin ukoll ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor sofra ġrieħi ħfief. Dan tal-aħħar qiegħed jinżamm mill-pulizija biex jgħin fl-investigazzjonijiet.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport