Saturday, May 4, 2024

362 charging point pubbliku għal sidien ta’ karozzi elettriċi sal-aħħar tas-sena

Aqra wkoll

Sal-aħħar ta’ din is-sena, sewwieqa ta’ vetturi elettriċi se jkollhom aċċess għal total ta’ 362 charging point f’postijiet pubbliċi madwar Malta u Għawdex. Biex ikun iffaċilitat l-aċċess għaċ-charging pillars, ġew żviluppati website u mobile app biex il-pubbliku jista’ jinqeda’ b’mod aktar effiċjenti. 

Il-mobile app Charge My Ride tista’ titniżżel mill-Playstore u l-Appstore filwaqt li s-sit www.chargemyride.mt joffri aktar informazzjoni dwar l-użu taċ-charging pillars, il-post ta’ fejn qed jiġu lokalizzati ċ-charging pillars u t-tariffi applikabbli.

Is-sistema adottata hija waħda moderna u interoperabbli biex b’hekk ġie adottat l-Open Charge Point protocol.  Dan ifisser li pilastri differenti jkunu magħquda biex ix-xufiera ma jkunux marbuta ma’ operatur wieħed biss fl-użu taċ-charging pillars. Il-56 charging pillar li kienu qed jagħmlu użu minnhom is-sewwieqa sa issa se jkunu qed jiġu aġġornati għal din is-sistema ukoll.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli  Miriam Dalli, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi. 

“B’dan l-investiment ta’ €3 miljun qed noffru lis-sewwieqa 130 charging pillar ġdid, li waħedhom ifissru 260 charging point, b’software avvanzat u sistema interoperable. Sal-aħħar tas-sena se jkollna 362 charging point. Qed inkunu innovattivi fl-ippjanar tagħna biex anke turisti li jżuru l-gżejjer tagħna jkollhom aċċess biex jiċċarġjaw il-vettura tagħhom,” ħabbret il-Ministru Miriam Dalli.

Fost il-130 charging pillar ġdid, se jkun hemm disponibbli 22 fast charger – li bih batterija tiċċarġja f’inqas minn tlett kwarti – u 108 medium charger. 

Il-Ministru Dalli spjegat kif meta mqabbel ma’ karozza petrol jew diesel, is-sewwieqa se jiffrankaw. Persuna li ssuq medja ta’ 50 kilometru kuljum, tonfoq mat-€30 fil-ġimgħa fi fjuwil. B’vettura elettrika, l-istess ammont ta’ vjaġġar jiġi jiswa madwar €13 fil-ġimgħa, jiġifieri anqas minn nofs. 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Huwa kruċjali li nkomplu naħdmu biex nilħqu l-miri tagħna ta’ dikarbonizzazzjoni u l-gvern, anke permezz tal-miżuri tal-budget ta’ din is-sena, reġa’ wera għal darboħra l-impenn u l-viżjoni ambjentali tiegħu. Rajna li nkomplu nerfgħu mill-piż tan-nies u ngħinuhom anke finanzjarjament permezz ta’ żieda fi grants apparti li se nkunu qed nagħtu trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd. 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett, minn nefqa totali ta’ madwar €3 miljun, madwar €1 miljun minnhom ġejjin minn Fondi Ewropej. Dr Zrinzo Azzopardi fakkar li bħala parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, l-Unjoni Ewropea aċċellerat it-tnedija tal-mobbilità elettrika, billi pproponiet miri aktar ambizzjużi. Aktar żviluppi infrastrutturali bħal dawn huma mistennija li jsiru permezz ta’ Fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin.

Sport