Friday, December 27, 2024

370,000 booking mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sal-1 ta’ Frar li għadda, il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, KM Malta Airlines Ltd., kellha xejn inqas minn 370,000 booking. Dan filwaqt li ta’ kuljum qed ikun hemm mal-4,000 persuna li qed jibbukkjaw biljett. Fir-rigward tas-seat load factor, mill-31 ta’ Marzu sa Ottubru li ġej, diġà 30 fil-mija tiegħu huwa mimli.

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt li fil-Parlament kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Miżuri tal-Estimi, fejn sostna li dan kollu huwa inkoraġġanti ħafna u jawgura tajjeb għax-xogħol li l-kumpanija ġdida se jkollha.

Il-Ministru Caruana spjega li ġew konklużi l-ftehimiet mal-piloti u jinsabu fil-proċess li qed jiġu ffirmati l-kuntratti. Dwar il-cabin crew, intlaħqu ftehimiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u bħalissa qed isiru l-interviews sabiex eventwalment jiġu ffirmati l-kuntratti.

Dwar l-inġiniera u technicians, kien hemm qbil fuq il-kundizzjonijiet u eventwalment se joħorġu l-applikazzjoni għalihom dalwaqt. Fir-rigward tas-sezzjoni li baqa’ ta’ nies rappreżentati mill-GWU li għandhom kuntratti individwali, il-Ministru Caruana qal li jinsab infurmat li ġew ippreżentanti l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda lill-unjin u saret talba lil JobsPlus biex fil-jiem li ġejjin ikunu jistgħu joħorġu l-vakanzi meħtieġa.

“Dan ifisser li f’dak relatat mal-istaff, is-sejħiet ħafna minnhom ġew konklużi u oħrajn għaddej il-proċess tagħhom,” qal il-Ministru Caruana. “Li nista’ ngħid huwa li s-Sur David Curmi għaddej jaħdem qatigħ sabiex dak li ħabbarna sena l-oħra ikun jista’ jitwettaq. Sintendi wieħed irid jassigura li dan kollu jsir fi żmien propizju.”

Huwa qal ukoll li jifhem li jista’ jkun hemm min ma jiħux pjaċir b’dan kollu. Minkejja dan, insista li l-Gvern se jkompli jaħdem biex din il-kumpanija ġdida tal-linja nazzjonali tal-ajru tkun tista’ taqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż, b’mod u manjiera wkoll illi tkun tagħmel sens f’dak li għandu x’jaqsam pjan ibbażat li jagħmel il-profitt.

Ekonomija

Sport