Kien bħal-lum 39 sena ilu, fis-7 ta’ Settembru tas-sena 1984, meta kienet seħħet it-traġedja tal-patrol boat C23 li ħasdet il-ħajja ta’ seba’ persuni.
Dakinhar, huma kienu fuq il-patrol boat li kienet qiegħda ġġorr ammont konsiderevoli ta’ murtali li kienu ġew maħduma illegalment. Dawn kienu se jiġu mormija f’baħar fond lil hinn minn Kemmuna meta f’ħin bla waqt seħħet splużjoni, mili ‘l barra mill-Ponta tal-Qala f’Għawdex, u qatlet lill-persuni kollha abbord il-patrol boat.
Ħamsa mill-vittmi kienu suldati – Joseph Pace ta’ 36 sena minn Santa Venera, William Simpson ta’ 36 sena minn Lija, Anthony Vella ta’ 20 sena minn Għajnsielem, Saviour Muscat ta’ 30 sena minn Birkirkara, u Joseph Hare ta’ 24 sena minn Tas-Sliema. Iż-żewġ vittmi l-oħra kienu uffiċjali tal-Pulizija – Francis Borg ta’ 36 sena mill-Ħamrun, u Anthony Farrugia ta’ 27 sena miż-Żejtun.