Il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna bħalissa għaddej minn żvolta qawwija hekk kif madwar il-pajjiż għaddejjin diversi proġetti li se joħolqtu units ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali. Filfatt qegħdin jinbnew xejn inqas minn 415-il unit ġdid biex minnhom igawdu persuni li kellhom japplikaw għal akkomodazzjoni soċjali. Dan l-ammont qawwi ta’ units ifisser li hu kważi kwart tal-lista ta’ stennija li hemm għand l-Awtoritrà tad-Djar.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla li se jwassal għall-bini ta’ 69 appartament ġdid u 97 spazju għall-parkeġġ, b’investiment ta’ madwar €21 miljun. Fil-Qrendi għaddejjin ix-xogħlijiet fuq proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali, li se jinkludi 28 appartament u 14-il spazju għall-parkeġġ. B’investiment ta’ madwar €7.6 miljun, il-proġett se joffri appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, tnejn jew tlieta, biex jilqgħu għall-ħtiġijiet ta’ familji differenti.
Proġett ieħor ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali se jkun joħloq 89 appartament mifruxa fuq tmien blokok residenzjali f’Ħal Kirkop, waqt li se jinħolqu madwar 70 garaxx jew spazji għall-parkeġġ. Dan qed isir b’investiment ta’ madwar €8.2 miljun. Bħalissa, dan il-proġett jinsab fil-fażi ta’ tħaffir, stadju importanti fit-tħejjija taż-żona għall-kostruzzjoni. L-investiment se jinkludi wkoll installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi, flimkien ma’ kull xogħol għat-tlestija tar-residenzi, eskluża l-ispiża tal-liftijiet.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, waqt l-ewwel diskussjoni Parlamentari dwar l-estimi tal-Baġit 2027, li għadu kemm ġie ppreżentat, iddikjara li għaddej investiment ta’ €84 miljun fi tmien proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali se jwasslu għall-bini ta’ 415-il appartament ġdid f’ħames lokalitajiet madwar pajjiżna, fl-impenn kontinwu tal-Gvern biex isaħħaħ il-units nazzjonali favur familji vulnerabbli.
Hu ddikjara li “bħalissa għaddejjin tmien proġetti biex nibnu stokk ġdid ta’ housing units li jkunu jistgħu jintużaw mill-persuni li huma vulnerabbli. Aħna għandna numru ta’ proġetti li jinsabu għaddejjin, bħal Ħal Kirkop, Raħal Ġdid, il-Qrendi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, biex inkomplu ntejbu, nużaw proprjetajiet li jiġu miżjuda mal-inventarju tal-housing soċjali.”
Il-Ministru Bonnici kompla jgħid li fl-istess waqt, għaddej ukoll xogħol ta’ restawr u konverżjoni ta’ ħames binjiet tal-Gvern fil-Birgu, l-Isla, is-Siġġiewi, iż-Żejtun u l-Belt Valletta, biex dawn jinbidlu f’appartamenti soċjali.
Hu tenna l-impenn tal-Gvern li jżid il-provvista t’akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Ħabbar ukoll li, is-sena d-dieħla, se jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ fuq aktar blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali u, fl-2027, huma skedati iżjed minn 40 blokka, li minnhom se jgawdu mal-474 familja.
Il-Ministru żvela wkoll li, sa Settembru li għadda, kważi 20,000 persuna u familja bbenefikaw mill-iskemi tal-Awtorità tad-Djar, li jgħinuhom fl-akkomodazzjoni tagħhom jew biex isiru sidien ta’ djarhom.
