Thursday, April 18, 2024

49.6 miljun jirkbu tal-linja fl-2022

40 fil-mija iktar mis-sena preċedenti

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għalkemm bosta huma dawk li jużaw il-karozza personali tagħhom, bosta oħrajn huma dawk li jużaw it-transport pubbliku. Dan hekk kif il-Malta Public Transport ħabbret li fl-2022 ġarret 49.6 miljun passiġġier. Dan kollu jfisser li hemm żieda ta’ 40% meta mqabbla mas-sena preċedenti. Għall-ewwel darba sa Diċembru tal-2022, in-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw bil-karozza tal-linja qabeż iċ-ċifri ta’ qabel il-pandemija.

Il-Maniġer ta’ Malta Public Transport Konrad Pulè qal li jinsabu kuntenti li qabżu r-rekord tas-sena 2019. Huwa qal li matul l-aħħar xahar kien hemm ammont sostanzjali ta’ passiġġiera li rikbu t-transport pubbliku. Żied jgħid li dan kollu juri li l-pubbliku għandu fiduċja fit-transport pubbliku.

Meta mqabbel mas-sena 2021, fl-2022 minħabba transport pubbliku li ġie b’xejn minn Ottubru kien hemm żieda ta’ 50% f’tallinja cards. Dan huwa wkoll 8% aktar mill-2019 li kienet sena rekord. L-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn qed tirnexxi tinċentiva saħansitra aktar nies biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.

Din it-tendenza kienet riflessa wkoll lejlet l-Ewwel tas-Sena, meta l-kumpanija ġarret id-doppju tal-ammont ta’ nies fuq is-servizzi tagħha bil-lejl meta mqabbla mal-2019. Is-servizzi ta’ bil-lejl, flimkien mar-rotot ta’ bi nhar u servizzi speċjali, huma inklużi wkoll fl-iskema tat-trasport pubbliku b’xejn għad-detenturi kollha ta’ tallinja card.

Min-naħa tiegħu Pulè xtaq jirringrazzja lill-passiġġieri kollha u lill-impjegati li mingħajr ix-xogħol tagħhom dan kollu ma kienx ikun possibli. Qal li dawn ir-riżultati iħeġġu lill-kumpanija sabiex tkompli tinvesti fis-servizz tal-karozzi tal-linja.

Malta Public Transport qed tinvesti f’25 karozza tal-linja elettrika ġdida oħra li se jiddaħħlu fis-servizz fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jiżdiedu l-frekwenzi tas-servizzi tal-karozzi tal-linja.

Ekonomija

Sport