Tuesday, September 24, 2024

60,339 kuntratt ta’ kirjiet privati rreġistrati mal-Awtorità tad-Djar

92% tas-sidien jagħżlu li jġeddu l-kirjiet bl-istess rata ta’ kiri

Aqra wkoll

Il-kuntratti ta’ kiri attivi żdiedu bi 23% għal 60,339 sal-aħħar ta’ Diċembru 2023. 90% ta’ dawn il-kuntratti kienu fit-tul mentri 9.4% kienu spazji kondiviżi.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Awtorità tad-Djar nediet l-aħħar rapport tal-kera li jagħti dettalji dwar ix-xejriet u l-istatistika mill-kuntratti ta’ kiri rreġistrati f’Malta għat-tieni nofs tal-2023.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes innota b’mod partikolari li l-maġġoranza kbira ta’ sidien – 92% – jagħżlu li jġeddu l-kirjiet bl-istess rata ta’ kiri, u enfasizza s-suċċess tal-Gvern fit-trawwim ta’ ambjent stabbli u koperattiv f’dan is-settur.

Mill-istess rapport ħareġ li kien hemm 25,721 kuntratt imġedded fl-2023, li ħafna minnhom kienu tiġdid awtomatiku. Issa hemm 17-il lokalità – 16 f’Malta u waħda f’Għawdex – li għandhom aktar minn 1,000 kuntratt ta’ kiri attiv irreġistrat.

Barra minn hekk, 16% tal-kirjiet issa jestendu fuq tliet snin. San Pawl il-Baħar baqgħet l-akbar lokalità li fiha kien hemm l-akbar ammont ta’ kuntratti ta’ kirjiet privati rreġistrati – bi 8,900 kuntratt jew 15% tat-total. Fl-istess waqt li 32% tal-kuntratti ġodda ta’ kiri fit-tul lejn l-aħħar tal-2023 kellhom kirjiet ta’ €700 – €999, 38% qabżu l-€1,000 fix-xahar.

Matul il-konferenza, il-Ministru Roderick Galdes irrimarka kif fl-aħħar jiem, bil-għan li dan l-ambjent stabbli u koperattiv ikompli jissaħħaħ kienu maqbula unanimament l-emendi fil-Liġi tal-Kera. Liema emendi kienu mfaħħra mill-istakeholders prinċipali wara djalogu ħaj u kontinwu magħhom.

“Bħala Gvern nibqgħu mpenjati li nsaħħu s-suq u nipproteġu d-drittijiet tal-partijiet kollha nvoluti. L-impenn tagħna jibqa’ li nibnu futur fejn is-suq tal-proprjetà mhux biss ikun robust u dinamiku iżda wkoll ġust u trasparenti.”

Sport