Tuesday, April 14, 2026

68 student u studenta ppremjati għal ħiliet kreattivi

Aqra wkoll

Studenti fl-età bejn is-sitt snin u s-sittax-il sena, kellhom l-opportunità jesprimu s-sentiment tagħhom b’ħiliet artistiċi u bil-kitba kreattiva dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom u l-effetti tal-vjolenza domestika.

Dan sar permezz ta’ kompetizzjonijiet tal-arti u tal-kitba tal-poeżija u l-komponimenti li ġew organizzati fl-iskejjel waqt is-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika bit-tema “Għandna Ħolma: Futur mingħajr Vjolenza.”

F’ċeremonja ta’ premjazzjoni organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi flimkien mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika tqassmu rigali ta’ kotba u tokens finanzjarji lil kważi 70 student u studenta għall-aħjar xogħlijiet li ppreżentaw f’diversi kategoriji li ntgħażlu minn ġurija għal kull kategorija.

Il-premjijiet ġew ippreżentati minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, li flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u l-Kummissarju Samantha Pace Gasan ippremjaw lir-rebbieħa għat-talent u l-impenn tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg waqt li ferħet lir-rebbieħa qalet li kull min ħa sehem bix-xogħlijiet tiegħu f’din il-kompetizzjoni għandu jkun għal ħajtu kollha ambaxxatur kontra l-vjolenza domestiku u favur relazzjonijiet intimi mibnija fuq ir-rispett.

Hija qalet li din l-kompetizzjonijiet offriet l-opportunità lill-istudenti biex b’diversi forom kreattivi mill-arti viżiva sal-poeżija,  jirriflettu fuq relazzjonijiet siguri ħielsa mill-vjolenza u l-abbuż, inkluż dawk li jsiru online.

“Huwa b’dan l-impenn li nistgħu verament naspiraw għal futur mingħajr vjolenza,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li permezz tal-kreattività tagħhom dawn l-istudenti qed iwasslu messaġġ qawwi favur relazzjonijiet mibnija fuq ir-rispett, l-ugwaljanza u l-imħabba. Dr Abela sostniet fuq l-importanza li minn età żgħira nkomplu nedukaw lill-istudenti dwar il-valuri ta’ relazzjonijiet b’saħħithom, sabiex flimkien nibnu futur mingħajr vjolenza domestika.

Il-Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan, waqt li raddet ħajr lill-parteċipanti kollha u l-iskejjel għal koperazzjoni tagħhom, spjegat li din l-kompetizzjoni kienet parti mill-bosta inizjattivi li saru mill-kummissjoni biex tqajjem għarfien dejjem akbar li l-vjolenza domestika ma tistax tkun aċċettat jew skużabbli bl-ebda ċirkostanza. 

Hija qalet li b’din l-inizjattiva kompliet titwettaq l-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika. Samantha Pace Gasan qalet li l-kummissjoni adottat strateġija ta’ involviment attiv fil-programmi tagħha tas-setturi varji tal-komunità. Hija qalet li l-kummissjoni tqies li l-arti u l-kreattività huma pilastri importanti sabiex iwasslu l-messaġġ għal bidliet fis-soċjetà favur kultura għall-ugwaljanza li għandha tkun fiċ-ċentru ta’ kull relazzjoni ta’ imħabba.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport