Wednesday, April 24, 2024

95,000 pensjonant jibdew igawdu minn żieda ta’ €50 kull erba’ ġimgħat

Aqra wkoll

Madwar 95,000 pensjonant bdew igawdu minn rati mtejba fil-pensjonijiet tagħhom, hekk kif matul din il-ġimgħa ntbgħatu l-pagamenti bir-rati l-ġodda. Fil-fatt il-pagamenti tal-pensjonijiet huma fost diversi benefiċċji soċjali oħra li lkoll qed jingħataw b’żidiet, hekk kif kien imħabbar fil-Baġit għal din is-sena.

Matul dan ix-xahar bdiet titħallas iż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa lill-erba’ kategoriji ta’ pensjonanti tas-sigurtà soċjali. Iż-żieda hija ta’ €2.60 fir-rata tal-pensjoni u €9.90 għall-għoli tal-ħajja. Il-benefiċċjarji huma il-Pensjonanti ta’ l-Irtirar, tar-Romol, tal-Invalidità u ta’ l-Eta’.

Huwa stmat li b’kollox dawn iż-żiedet jinkludu nefqa annwali ta’ madwar €111-il miljun. Din twassal biex in-nefqa globali fuq il-pensjonijiet  u l-bonus li jitħallas lill-pensjonanti matul is-sena titla’ għal biljun u tmienja u sebgħin miljun ewro. Din se tkun is-sitt żieda addizzjonali konsekuttiva mill-2018 ‘l hawn. Dan minbarra żidiet sostanzjali li kienu ngħataw fl-2016 u l-2017 lill-pensjonanti fuq il-pensjoni minima.

Ritratt: Roger Azzopardi

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar. Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-Gvern iwettaq kull wegħda illi jwiegħed fil-ħin, sabiex joffri ċertezza, serħan il-moħħ u stabbilità. 

Pensjonanti ta’ l-Età (mhux kontributorja)

Il-Pensjonanti ta’ l-Eta’ diġa rċevew l-ewwel pagament biż-żieda fil-pensjoni tagħhom mill-Ġimgħa li għaddiet

  • Dawn huma persuni li fl-eta’ ta’ 60 sena jew akbar ma jkollhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali  biex jieħdu pensjoni kontributorja
  • Jissodisfaw ukoll test tal-mezzi (dħul u kapital) 
  • L-għadd ta’ dawn il-benefiċċjarji f’dawn l-aħħar snin naqas u issa huwa ta’ madwar 4,200.
  • In-nuqqas fin-numru ta’ benefiċċjarji huwa attribwit għall-Making Work Pay policies li introduċa l-Gvern matul l-aħħar snin, fejn il-benefiċċjarji tal-Għajnuniet Soċjali naqsu b’aktar minn nofs minħabba li bdew jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Dan wassal biex illum il-ġurnata aktar nies qieghdin jiġu eliġibbli għall-Penjsoni Kontributorja.

Pensjonanti ta’ l-Irtirar

Il-Pensjonanti tal-Irtirar se jibdew jitħallsu ż-żieda fil-pensjoni tagħhom minn għada s-Sibt, 7  ta’ Jannar

  • Fost il-pensjonanti tas-sigurtà soċjali dan huwa l-akbar grupp – madwar 74,000 persuna. 
  • L-għadd tagħhom qed jikber kull sena b’medja netta ta’ madwar 2,000 persuna. 
  • It-tkabbir huwa dovut l-aktar għaż-żieda fl-għadd ta’ pensjonanti li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terżi – kważi 8 minn 10 pensjonanti tal-irtrar jieħdu din il-pensjoni.
  • Ta’ min isemmi li miżura oħra li qed tiddaħħal hija li l-ammont ekwivalenti tal-pensjoni massima bil-bonusijiet b’kollox li ma tkunx taxxabbli fl-2023 qed jitla’ għal €14,968 (€3,000 oħra mhux taxxabbli għal min hu bil-komputazzjoni ta’ miżżewweġ)

Titjib għall-Pensjonanti Romol

Fl-14 ta’ Jannar ikun imiss il-pensjonanti tar-romol li jibdew jirċievu r-rati ġodda fil-pensjoni tagħhom.

  • B’kollox madwar 19,000 persuna li jirċievu xi waħda mill-pensjonijiet tar-romol
  • Barra minn hekk bis-saħħa ta’ miżura li daħlet fis-seħħ mill-2022 il-biċċa l-kbira tal-pensjonanti romol ser igawdu minn żidiet addizzjonali
  • Dan se jkun immirat għal dawk li s’issa ma jiħdux il-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjugi tagħhom qabel mewthom, iżda 5/6 tar-rata
  • Fuq medda ta’ snin il-pensjoni tagħhom qed tiġi aġġustata biex finalment jibdew jitħallsu l-pensjoni sħiħa li kellhom dritt għaliha il-konjuġi li jkunu ġew nieqsa.
  • Hu stmat li madwar 9,000 persuna, barra ż-żieda fil-pensjoni,  ser jitħallsu sa madwar €3.54 oħra żieda fil-ġimgħa b’nefqa ta’ madwar €1.6 miljun.

Pensjonanti tal-Invalidita’ u fuq il-Pensjoni Minima

Mis-Sibt 21 ta’ Jannar tibda titħallas iż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa lill-Pensjonanti tal-Invalidita’ u lill-Pensjonanti fuq il-Pensjoni Minima

  • In-numru ta’ pensjonanti tal-Invalidita niżel sew matul l-aħħar snin u issa qiegħed ta’ madwar 2,500 persuna
  • Dawk li huma fuq il-Pensjoni Minima, inkluż dawk fuq il-Livell ta’ Pensjoni Minimu Garantit jammontaw għal madwar 10,700 persuna   

Ikompli t-titjib gradwali fil-Bonus tal-Ogħli tal-Ħajja

  • Dan il-bonus beda jitħallas fl-2008 billi ż-żieda annwali għall-għoli tal-ħajja tinqasam f’żewġ partijiet
    • Żewg terż jiżdiedu mar-rata tal-pensjoni u
    • Terż l-ieħor jitħallas bħala bonus mal-pensjoni
  • Maż-żmien inħoloq żbilanċ bejn pensjonanti li jkunu rtiraw wara l-2008 u dawk li rtiraw fl-2008 jew qabel
  • Biex jitneħħa dan l-iżbilanċ qed jitħaddem mekkaniżmu li b’mod gradwali jgħolli r-rati ta’ dan il-bonus għal dawk li rtiraw wara l-2008 sakemm ir-rati kollha jilħqu l-istess livell għal kulħadd
  • Iż-żidiet huma varjabbli u jilħqu sa massimu ta’ €1.50 fil-ġimgħa 
  • Dan minbarra ż-żieda sa massimu ta €2.50 fil-ġimgħa matul is-sena 2022
  • Matul is-sena mistenni jibbenefikaw 56,000 pensjonant bi spiża ta’ madwar €2 miljun

Il-Ministru Falzon sostna li l-pensjonanti kollha jafu fejn qegħdin ma’ dan il-gvern għax jafu li dejjem kien hemm għalihom bl-għan aħħari jkun dak li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ kull pensjonant.  Huwa temm jgħid li dawn iż-żidiet fl-aħħar mill-aħħar ma tefaw l-ebda piż addizzjonali u lanqas raw żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija li jġorru magħhom konsegwenzi ferm negattivi fuq il-pensjonanti.

Sport