Saturday, April 20, 2024

AĠĠORNAT: Biden iħabbar aktar provvisti ta’ armi għall-Ukrajna

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi żjara sorpriża li għamel fi Kyiv, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wiegħed aktar kunsinni tal-armi għall-Ukrajna u appoġġ bla waqfien qabel l-ewwel anniversarju tal-invażjoni tal-pajjiż mir-Russja.

Biden iltaqa’ mal-President Ukren Volodymyr Zelensky f’dik li hija l-ewwel żjara tal-President Amerikan fil-pajjiż minn meta t-truppi Russi invadew l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar, 2022. Biden u Zelensky poġġew kuruna tal-fjuri mal-Ħajt tat-Tifkira għall-eroj li tilfu ħajjithom fil-gwerra, filwaqt li ndaqqet tislima militari.

Biden wiegħed żieda fil-kunsinni tal-armi għall-Ukrajna u wiegħed l-“impenn bla waqfien” ta’ Washington biex tiddefendi l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

“Se nħabbar kunsinna oħra ta’ tagħmir kritiku, inkluż munizzjon tal-artillerija u radars ta’ sorveljanza tal-ajru fost oħrajn sabiex jipproteġu lill-poplu Ukren minn bumbardamenti mill-ajru,” kien ikkwotat jgħid fi stqarrija tal-White House.

Min-naħa tiegħu, Zelensky ddeskriva iż-żjara ta’ Biden bħala sinjal ewlieni ta’ appoġġ.

01.34: Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden bi żjara sorpriża fl-Ukrajna

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden wasal fi Kyiv aktar kmieni dalgħodu biex jiltaqa’ mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy. Iż-żjara ta’ Biden ma kinitx mistennija hekk kif il-President kellu jżur il-kapitali Pollakka ta’ Varsavja.

Minħabba li fi Frar tas-sena l-oħra kienet bdiet l-invażżjoni Russa fuq l-Ukranja, il-President Biden qatt ma seta’ jżur il-pajjiż minħabba sigura. Dan minkejja li Zelensky bagħat diversi messaġġi lil Biden biex jiltaqgħu fl-Ukrajna u hemm jiddiskutu flimkien il-kriżi li għaddejja.

Kienu bosta dawk li għamlu żjarat fl-Ukrajna sabiex juru l-appoġġ tagħhom mal-pajjiż. Fosthom kien hemm il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz, il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau u l-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak, kif ukoll l-eks mexxej Brittaniku Boris Johnson.

Bosta mill-assistenti ta’ Biden, inkluż is-Segretarju tal-Istat Antony Blinken u s-Segretarju tad-Difiża Lloyd Austin, żaru wkoll il-kapitali tal-Ukraina biex iwiegħdu għajnuna ġdida lill-Ukrajna. Uffiċjali għolja tal-amministrazzjoni, inkluż id-Direttur tas-CIA Bill Burns u l-ogħla uffiċjali tal-White House, żaru Kyiv ix-xahar li għadda.

Sport