Wednesday, April 24, 2024

Aġġornat: Il-President ta’ Puttinu Cares f’qagħda kritika wara li ntlaqat minn karozza

Aqra wkoll

Raġel ta’ 63 sena mill-Mosta ddaħħal l-isptar b’urġenza wara li tard it-Tlieta filgħaxija ntlaqat minn vettura fi Triq it-Trunċiera, San Pawl il-Baħar.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-8.30 p.m. meta r-raġel ntlaqat minn vettura tal-għamla Mazda Demio li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 31 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li assistew lir-raġel midrub sakemm seta’ jittieħed għal aktar kura fl-Isptar.  Huwa ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Aktar tard fuq il-midja soċjali bdew tilgħin messaġġi ta’ kuraġġ għal Victor Calvagna,  wieħed mill-fundaturi ta’ Puttinu Cares, li ġie identifikat bħala l-persuna midruba f’dan l-inċident. Huwa kien deskritt bħala bniedem “qaddis li assista mijiet ta’ tfal Maltin b’dedikazzjoni kbira f’xogħlu”.

Fost dawk li kkummentaw wara li ngħatat l-aħbar kienet Puttinu Cares li qalet li jinsabu mbikkbin u xxukjati bil-fatt li Dr Calvagna jinsab f’qagħda kritika ħafna. “Itolbu kif nemmnu li qed jagħmlu t-tfal fil-ġenna għalih.”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal: “Ilkoll nafu kemm dejjem jaħseb f’nies oħra, b’mod partikolari t-tfal morda bil-kanċer. Issa l-mument li nżommuh fi ħsibijietna.”

Persuna oħra kitbet: “Dr Calvagna. Ħafna tfal għandhom bżonnok biex tgħinhom bħalma għent lil ibni u lili wkoll. Kuraġġ. Nitolbu għalik.”

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Marseanne Farrugia.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.

Sport