Friday, April 19, 2024

AĠĠORNAT: “Niġi l-Għassa l-ost**… mhux se tarrestawni”

Żewġ ġuvintur mixlija bl-aggressjoni fil-Belt

Aqra wkoll

AĠĠORNAT 18.24 – Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech orndat biex iż-żgħażagħ jibqgħu jinżammu arrestati u għalhekk ċaħdet it-talba tad-difiża biex jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Intant il-Ministru Byron Camilleri f’post li tella fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook sostna li kull ġenitur ikun irid l-aħjar għal uliedu, u li meta uliedu joħorġu jkollhom is-serħan il-moħħ li ma jiltaqgħu mal-ebda għawġ.

Il-każ li ġara ftit tal-ġranet ilu fil-Belt Valletta, ftit wara każ ieħor ikrah fil-Gżira, jiddiżgustaw lil kulħadd. Għalhekk sodisfatt li l-Pulizija ħadu passi effettivi u immedjati biex dawk li allegatament huma responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.

“Il-poplu Malti se jibqa’ jsib lill-forzni tal-ordni, bir-riżorsi kollha li għandhom bżonn, sabiex jipproteġuhom u flimkien nibatu messaġġ lil min tgħaddilu minn rasu jġib ruħu b’dan il-mod biex jaħsibha darbtejn.

Nistieden lil dawk li jeħtieġu kwalunkwe forma ta’ għajnuna sabiex jaċċettawa jew ifittxuha u jagħrfu li l-ħajja hija isbaħ f’komunità li tirrispetta lil xulxin,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

17:28 – Il-Pulizija għadha qed tfittex it-tielet persuna b’rabta mal-inċident fejn grupp ta’ żgħażagħ ġew aggrediti fil-Belt Valletta, b’wieħed minnhom jispiċċa b’saqajh miksura. B’hekk il-każ “għadu ‘l bogħod milli jkun magħluq.”

Kien l-Ispettur Kevin Pulis li stqarr dan fil-Qorti hekk kif illum tressqu żewġ ġuvintur ta’ 16-il sena, mill-Belt Valletta u l-Floriana rispettivament, u ġew mixlija li ħebbew għal persuna u kkawżawlu ġrieħi ta’ natura gravi u li darbu ħafif persuna oħra fost oħrajn.

Iż-żewġ imputati, li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti billi għadhom taħt l-età, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. Fil-Qorti ħareġ li nhar is-Sibt li għadda, il-Pulizija mill-Għassa tal-Belt kienu infurmati li kien hemm grupp ta’ żgħażagħ li kienu aggrediti minn grupp ieħor ta’ żgħażagħ u marru minnufih fuq il-post.

Fuq il-post, il-Pulizija sabu erba’ persuni b’xi ġrieħi, b’wieħed minnhom spiċċa b’saqajh miksura minn żewġ bnadi u kellu jiġi operat. Intqal ukoll li l-Pulizija waslet għaż-żewġ imputati wara analiżi li saret minn filmati tas-CCTV fl-inħawi. L-Ispettur Daryl Borg, li flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis, mexxew il-Prosekuzzjoni, qal li wieħed mill-imputati nstab fid-dar tiegħu mentri l-ieħor mar l-Għassa akkumpanjat minn missieru tar-rispett (step father). L-Ispettur Borg żied jgħid li dak li nstab fid-dar tiegħu kien qal lill-pulizija li marru biex jarrestawh: “niġi l-Għassa l-ost**, mhux ħa tarrestawni.”

Eventwalment ittieħed l-Għassa fejn kien assistit mill-Avukat Francesca Zarb. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal din it-talba minħabba li l-imputati ma kkoperawx mal-Pulizija biex tkun identifikata t-tielet persuna allegatament involuta f’dan il-każ, minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

L-Ispettur Kevin Pulis qal ukoll li wieħed mill-allegati vittmi se jkun qiegħed jitlef sitt ġimgħat skola minħabba l-aggressjoni. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tagħti deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest fil-ħin li ġej. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qed jidhru għal wieħed mill-imputati u l-Avukat Arthur Azzopardi deher għall-imputat l-ieħor.

L-Avukati Charles Mercieca, Giannella De Marco u Stefano Filletti qed jidhru parte civile.

Sport