Sunday, May 5, 2024

AĠĠORNAT: Żewġ persuni arrestati wara li allegatament ferew ieħor gravi f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Il-Pulizija arrestat żewġt irġiel ta’ 30 sena u ta’ 66 sena rispettivament wara argument li żvolġa aktar kmieni dalgħodu f’Raħal Ġdid.

Iż-żewġt irġiel suspettati involuti f’dan l-argument huma wkoll residenti Raħal Ġdid.

B’rabta mal-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.

11:30 a.m: Raġel isofri ġrieħi f’wiċċu wara argument

Dan is-sit jinsab infurmat li l-Pulizija qiegħda tkellem xi persuni allegatament involuti fl-argument li seħħ aktar kmieni dalgħodu f’Raħal Ġdid.

Jidher li l-pulizija mal-wasla tagħha fuq il-post sabet raġel ta’ 57 sena ferut, li f’dan l-istadju qiegħed jitqies bħala l-vittma għalkemm għad iridu jiġu verifikati l-fatti b’rabta mal-każ. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li r-raġel sofra ġrieħi f’wiċċu. Huwa ngħata l-ewwel assistenza medika fuq il-post sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.

Il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha minnufih u jidher li hemm xi persuni li qegħdin jiġu mkellma biex jagħtu stampa iżjed ċara ta’ x’seta’ wassal biex jeskala dan l-argument.

Filwaqt li jidher li s-sitwazzjoni tinsab ikkontrollata, ma jidhirx li r-raġel ferut sofra minn ġrieħi serji.

Aktar informazzjoni kif taslilna…

11:00 a.m: Persuna feruta wara sparatura f’Raħal Ġdid

Għall-ħabta tal-10:30 ta’ dalgħodu l-Pulizija waslilhom rapport dwar argument li seħħ. Jidher li fl-argument persuna ntlaqtet minn tir li ġie sparat fid-direzzjoni tagħha.

Il-każ seħħ fi Vjal Santa Luċija f’Raħal Ġdid f’xi għelieqi li hemm fiż-żona qrib iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Fuq il-post issejħet ambulanza fejn tim mediku ta l-ewwel għajnuna.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej…

Sport