Saturday, May 4, 2024

“Aħjar li ra b’għajnejh minn għaxra li semgħu bih”

Roger Azzopardi b’36 sena ta’ ġurnaliżmu fotografiku ... u l-għatx għal aktar ritratti għadu hemm.

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ġbidtu Rog?”.  “Iva sieħbi. Mhux minn fejn għedtli ġbidt. Minn hemm ma kinux jidhru. Minn hemm ma kont tara xejn. Mort minn banda oħra. Ma stajtx nara sew lanqas. Qgħadt nistenna. Wara ħallewni nersaq aktar qrib. Ġbidt kollox. Ġej lura ħa ngħaddihom biex tarahom”.  Din hi konversazzjoni li jkollna spiss mal-fotografu Roger Azzopardi. Diskursata qasira wara li nkunu bgħattnieh jiġbed xi ritratt ta’ xi ħaġa partikolari. Mhux dejjem il-konversazzjoni tkun f’dan l-ispirtu, għax xi drabi bejn l-informazzjoni li tasal u dik li finalment isib il-fotografu tagħna, tkun realtà differenti. 

Min jaf kemm qalli “minn dak li qed tgħidli m’hawn xejn. Ma jidher xejn. Ġbidtlek ritratt ġenerali, biex tara x’kien hawn”.  Quddiem dan, il-fotografu Roger Azzopardi ifakkarni fil-qawl Malti   “aħjar li ra b’għajnejh minn għaxra li semgħu bih”. Dan prattikament ifisser li l-aħjar ħaġa hu li toqgħod fuq dak li tara b’għajnejk milli temmen dak li jkunu qalulek jew wasslulek. 

Roger Azzopardi, proprju fl-aħħar jiem għalaq 36 sena fil-ġurnaliżmu fotografiku mal-gazzetti  IT-TORĊA u L-ORIZZONT (li din is-sena se tkun qed tagħlaq 60 sena minn mindu ħarġet għall-ewwel darba). Vjaġġ li matulu ra minn kollox. Traġedji. Summits dinjin. Każi kriminali. Azzjonijiet industrjali xi drabi jaħarqu sew. Ra ma’ wiċċu każijiet li baqgħu jissemmew minkejja li għadda iż-żmien bħal meta inqala’ ġlied kbir fil-Ħamrun fil-festa ta’ San Gejtanu. Il-qabda tal-akbar kelb il-baħar f’Malta. Iż-żjarat papali f’Malta.  36 sena ta’ lealtà assoluta lejn il-gazzetti tal-Union Print, fejn fil-mumenti kwieti, Roger ma jonqosx li ssibu f’postijiet madwar Malta jiġbed xenarji mill-isbaħ tal-kuntrast li kapaċi toħloq in-natura bejn il-kampanja u s-sema qed tiġma s-sħab għal qabel xi maltempata. Ritratti li xi wħud minnhom ippubblikajnihom fil-gazzetti tagħna.  L-inizjattiva u l-kreattività tal-fotografu ma għebitx mal-Covid19 meta kulħadd inqafel ġewwa. Lil Roger konna narawh ibakkar mill-uffiċċju sa minn kmieni u jirritorna lura wara nofsinhar b’ritratti li juru x’kien qed jiġri fil-pajjiż waqt il-pandemija. Fost dawn il-kumpless ta’ Tigne magħluq kompletament, ħwienet u lukandi magħluqa, postijiet litteralment baħħ. Anzjani bil-maskri. Aktar tard oħrajn sejrin jitlaqqmu. Il-funerali ta’ dawk li mietu bil-Covid19, bi twiebet miksija plastik u reffiegħa mlibbsin ilbieb protettiv. Ma’ dawn imbagħad ritratti sinfikanti bħal meta f’Għajnsielem tpoġġew mijiet ta’ slaleb li fakkru lil dawk li mietu. Hawn Roger għamel sigħat jiġbed ritratti ta’ kif il-persuni kienu qed iħarsu lejn dawn is-slaleb. Min jimxi quddiemhom u jħares imbikkem fejn tista’ tobsor moħħu x’kien qed jaħseb. Oħrajn jieqfu. Kien jispikka ir-ritratt ta’ raġel għaddej b’pass mgħaġġel minn quddiem dawn l-istess slaleb, bħal donnu irid jgħidilna ‘iġri nitbiegħdu minn din il-pandemija”. 

Is-slaleb f’Għajnsielem li jirrappreżentaw lil dawk li mietu bil-Covid

Ma’ dawn ukoll jispikka ritratt ieħor li ġibed fl-aħħar xhur. Attività ta’ persuni Afrikani f’Malta. Roger jaqbad għal mument qasir tfajla b’rasha tistrieħ fuq idejha. Il-ħarsa tagħha turik li hi ħosbiena. Warajha  kartellun ‘Why Always Black?’. Tara dan ir-ritratt u l-messaġġ tieħdu bla spjegazzjoni.

Kont naħdem l-SGS….dħalt fil-ġurnaliżmu fotografiku wara l-mewt għall-għarrieda ta’ missieri

Ma setax jonqos li din l-intervista ma’ Roger, nagħmluha f’post preferut magħna, għad-dell li jafu joffru is-siġar taż-Żnuber u akkumpanjati minn tazza wara oħra tal-kafe.  Post li fih inmorru regolarment, wara xi intervista, fejn niddiskutu dak li nkunu se nagħmlu.

Roger jirrakkonta li “jien dħalt mal-gazzetti eżatt fl-1 ta’ Settembru tas-sena 1986. Kien żmien imqanqal mil-lat politiku. Jien qabel kont naħdem l-SGS f’Ħal Kirkop. Irrid ngħid li jien u ħija, meta kellna 6 u 7 snin konna diġa bil-magni fotografiċi f’idejna. Jien l-aktar li kont nieħdu ritratti kienu taċ-ċinema fil-belt għax kien qasam li nogħxa fih. Kont niġbed ir-ritratti tal-posters għax kont iffissat fuq il-films.  Id-dar kellna dark room żgħira u missieri kien jgħallimna kif niżviluppawhom fi dlam ċappa u imbagħad nipprintajwhom. Kien hemm dik is-sensazzjoni li filli għandek karta bajda u filli tiġi l-istampa. Din għalina bħala tfal żgħar kienet  xi ħaġa qisha tal-maġija. Il-fotografija baqgħet ġo fina.”

Fil-vaganzi tas-sajf dejjem kont inkun ma’ missieri il-GWU … kien itini l-magna u jgħidli mur iġbed

Jirrakkonta li “fil-vaganzi tal-iskola dejjem kont inkun il-belt fil-kwartieri tal-GWU. Kont inmur ma’ missieri. Kien itini l-magna u kien jgħidli mur iġbed. Niftakar meta l-Ħamrun Spartans għaddew għall-ewwel darba round f’kompetizzjoni Ewropea. Kienet waħda mill-isbaħ rikordji għax ġbidt ir-ritratti.  Missieri miet għall-għarrieda fis-6 ta’ Awwissu tas-sena 1986 kellu 52 sena. Dak iż-żmien kienet proċedura fl-Union Print li l-impjieg vojt li jkun tħalla minn min ikun naqas b’mewt, l-ewwel prijorità biex jimtela’ tkun għat-tfal ta’ dak l-impjegat li jkun ġie nieqes.  B’din is-sistema kont dħalt jien u anke l-fotografu Ray Attard daħal bl-istess sistema.

Wara l-mewt ta’ missieri kien ġie Frans Ghirxi jkellem lili u l-hija. Kien qalilna li wieħed minnkom għal flok missieri.  Peress li ħija kien jiġbed ir-ritratti tat-tiġrijiet ma’ missieri, l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li lil ħija għedtlu jidħol hu.   Ħija ħasibha ftit u wara ġie u qalli  biex nidħol jien.   Ħija kien qalli li hu kien diġa għandu impjieg mal-gvern u qalli li hu aktar ikollu bżonn tmiem il-ġimgħa minħabba t-tiġrijiet.  Niftakar kont mort il-GWU u ġie jkellimni is-Segretarju Ġenerali Carmelo Consiglio. Qalli li kont ġejt magħżul biex nidħol u jien aċċettajt. Tajt in-notice. Kien kellimni Ronnie Pellegrini li dak iż-żmien kien Segretarju tat-Taqsima u qalli biex ma naħdimx in-notice għax kienu se jirranġaw mal-SGS. Riduni nibda xogħol mill-ewwel bla dewmien.  Kelli dsatax-il sena.  Dħalt fl-agħar kampanja elettorali.”

Immigrant jitlob ftit mumenti qabel tniżżel l-art minn fuq patrol boat li salvatu minn għarqa ċara

Kull nhar ta’ Ħadd kont nidħol bi msarni f’saqajja għax dejjem tinqala’ xi ħaġa

Nistaqsieh fuq il-klima politika tas-snin tmenin u x’jiftakar. Bla tlaqliq jgħidlek, li “ma ninsa qatt dak iż-żmien.  Kull nhar ta’ Ħadd kont nidħol imwerwer u dejjem kienet tinqala’ xi waħda.  Meta sparaw il-gass tad-dmugħ fir-Rabat kont hemm. Kien hemm qisu gwerra ċivili. Kien hemm tal-SMU armati sa snienhom, ħafna nies jiġru.   Kien żmien ta’ tensjoni kbira. Dejjem qed tistenna li tinqala’ xi ħaġa.”

Meta Pietru Pawlu Busuttil kien ħareġ bi pleġġ jien kont l-uniku fotografu … kont imdawwar minn supporters Nazzjonalisti

“Niftakar sew meta kienu ressqu lil Pietru Pawl Busuttil il-Qorti u meta inħareġ bi pleġġ. Jien kont l-uniku fotografu preżenti meta nħareġ u kont imdawwar minn supporters Nazzjonalisti. Niftakar domt sa xi nofs il-lejl il-Qorti. Kont beżgħan imma kien hemm kanvasser ta’ Guido Demarco, u kien jafni għax kien mill-Marsa. Qalli tibża’ xejn għax ħadd mhu se jkellmek. Wara talabni biex neħdilhom ritratt bħala grupp kif filfatt għamilt. Niftakar darba mort fuq każ fejn kienu ssawwtu xi Laburisti. Dik kienet kampanja li mmaturatni ħafna.”

L-ewwel delitt li mort … il-foss tal-Belt

“L-ewwel delitt li mort fuqu għadni inġibu quddiem għajnejja sa llum. Qatt ma nista’ nneħħiha minn quddiemi. Kien delitt li sar fil-foss tal-Belt. L-ewwel mort fuq każ in-naħa ta’ isfel ta’ Malta iżda imbagħad infurmawni li kien seħħ delitt fil-foss tal-Belt.  Kont minn tal-ewwel hemm. Niftakar sew ix-xena li rajt quddiemi bil-vittma bil-bullit f’rasu. Baqa’ f’moħħi…..ma nafx għax forsi kien l-ewwel delitt”. 

Ġlieda kbir fil-festa ta’ San Gejtanu … kont spiċċajt ix-xogħol u spiċċajt il-Ħamrun qalb it-tifrik

“Xi ħaġa li ġbidt ukoll u kont għadni fil-bidu kienet ġlieda kbira li inqalgħet fil-festa ta’ San Gejtanu.  Il-festa kienet spiċċat tħassret filgħaxija. Kien il-Ħadd, kont spiċċajt mix-xogħol imma xi ħadd kien qisu qalli biex nieħu l-magna fotografika miegħi.  Kienet sħana tremenda. Ftit minuti biss wara li dħalt id-dar, iċempilli ġurnalist u qalli biex inmur il-Ħamrun għax kien hemm ħafna ġlied. Mort niġri. Bqajt imbellaħ b’dak li rajt. Kien hemm diżastru sħiħ. Statwi imfarrkin mal-art.  Rajt xi anġli jitwaqqgħu minn fuq il-pedestall. Niftakar kien hemm statwa kienu jgħidulha ta’ Luteru. Din statwa fuq pedestall għoli. Dik rajtha nieżla għal mal-art.  Kien hemm ħafna nies feruti. Kommossjoni kbira kien hemm.”

Immigrant salvat wara jiem fuq il-baħar. Tidher il-ġilda ta’ wiċċu qed titqaxxar.

Tawna tip li ġej Arnold Schwarzenegger mort u ġbidtlu balla ritratti … il-film li kellu jaħdem hawn qatt ma nħadem

“Jien minn dejjem iffissat fuq il-films. Kont niġbed kull poster li joħroġ. Allura kull meta jkun ġej xi attur ta’ Hollywood, kien ikolli interess speċjali. Darba tawna tip li kien ġej Arnold Schwarzenegger. Dan kien fi żmien li f’Malta kien qed jinħadem il-film Gladiator. Arnold ried jaħdem film fuq il-‘Crusaders’ u  wieħed mill-atturi sekondarji li kien Ġermaniż kien stiednu biex jiġi Malta u jara s-sett ta’ Gladiator.  Kif sirt naf mort immedjatament. Kont waħdi niġbidlu r-ritratti. Il-film li kellu jaħdem qatt ma nħadem għax imbagħad Arnold laħaq Gvernatur.”

“Niftakar meta kien ġie Charlton Heston. Dan kien għamel konferenza stampa fil-lukanda Phoenicia. Kien għamel dikjarazzjoni u kien qal kemm kien immeraviljat bil-Port il-Kbir. Kien qal ukoll li minn dak li ra f’Malta tista’ taħdem kwalunkwe film li trid.”

Mort mal-Air Malta fi New York … sena wara kienu attakkati it-Twin Towers

U kif konna qegħdin nitkellmu fuq films u atturi, Roger jaqbeż fuq żjara  b’xogħol ġurnalistiku fi New York. “Dejjem kelli dik ix-xewqa li nmur New York. Kont mort fuq stedina tal-Air Malta, meta kienu inbdew titjiriet minn Malta għal New York. 

“Meta wasalna, kien hemm impjegata fl-ajruport u staqsietni jekk qatt mortx New York. Jien għedtilha ‘only in my dreams’. Hi ħarset lejja tbissmet u qaltli “now your dreams come true”. Ħaduna fit-Twin Towers. Kienet esperjenza mill-isbaħ.  Proprju sena wara dawn kienu attakkati fl-attakki terroristiċi u spiċċaw imġarrfin.  Hemhekk kellna esperjenza unika għax kif l-Ambaxxatur Malti għan-Nazzjonijiet Uniti kien mgħarraf li qegħdin hemm, kien ġie għalina u ħadna tour tan-Nazzjonijiet Uniti. Dawwarna hu u spjegalna kollox hux.  Min qatt kellu jgħidli li proprju sena wara kont se nkun imkaħħal quddiem it-televiżjoni nara l-attakk u t-tiġrif tat-Twin Towers. Lanqas qatt tgħaddilek minn moħħok kienet xi ħaġa bħal din” jissokta.

Sport