Tuesday, May 14, 2024

F’Hong Kong ħames terapisti jiġu arrestati wara li ppubblikaw kotba tat-tfal “b’messaġġi ribelli”

Aqra wkoll

Ġewwa Hong Kong ħames terapisti tad-diskors ingħataw sentenza ta’ 19-il xahar ħabs wara li nstabu ħatja li ppubblikaw kotba tat-tfal “b’messaġġi sedizzjużi”.

Dawn il-kotba jittrattaw l-istorja ta’ nagħaġ li kienu qegħdin jipprovaw iżommu lill-ilpup milli jidħlu fil-villaġġ tagħhom. Min-naħa tagħ­hom l-awtoritajiet li jissimpatizzaw maċ-Ċina qalu li dawn l-istejjer qed jirrappreżentaw b’mod sottili “il-ġlieda” bejn Hong Kong u l-gvern Ċiniż. Min-naħa l-oħra l-awturi argumentaw li dawn il-kotba jirrappreżentaw “l-istorja minn għajnejn iċ-ċittadini”. L-imħallef, li kien magħżul mill-gvern Ċiniż, ikkonkluda li dan ma kien xejn għajr “eżerċizzju ta’ influwenzar mentali”.

Dan il-verdett kompla jsegwi azzjonijiet b’saħħit­hom li l-awtoritajiet li jissimpatizzaw maċ-Ċina ġewwa Hong Kong ilhom jagħmlu mill-2020. Dakinhar iċ-Ċina kienet imponiet liġi ġdida nazzjonali dwar is-sigurtà wara rvellijiet kbar li kien hemm f’Hong Kong. L-awtoritajiet ta’ Beijing dejjem saħqu li din il-liġi hija bżonjuża biex ġewwa Hong Kong terġa’ tirrenja l-istabbiltà – iżda l-kritiċi qalu li din il-liġi hija intiża li teqred l-oppożizzjoni u ddgħajjef l-awtonomija ta’ Hong Kong. 

Hong Kong huwa meqjus bħala Reġjun Amministrattiv Speċjali taċ-Ċina u jitmexxa taħt il-prinċipju ta’ “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”. B’hekk Hong Kong igawdi għadd ta’ libertajiet li ma jeżistux fiċ-Ċina. 

Sport