Saturday, May 4, 2024

AKTAR INFURZAR FIL-KOSTRUZZJONI

Aqra wkoll

Proprju nhar is-Sibt ħaddiem tilef ħajtu waqt li mar jaqla il-ħobża ta’ kuljum. Missier ta’ sitt itfal. Ġie f’pajjiżna jaqla lira għall-familja. Bgħatnieh lura bla ħajja. Bħalu kellna ħafna każijiet qabel. Proprju fl-aħħar sigħat żewġ ħaddiema ukoll Albaniżi sofrew ġrieħi gravi wara li sfronda saqaf bihom. Każijiet li saru t’temp ta’ fait jiem u juruk li hemm bżonn aktar infurzar f’dan il-qasam. Każijiet li juruk li l-abbużi għadhom għaddejjin.
Dan hu qasam li fih mhux biss qegħdin naraw b’mod kontinwu ħaddiema li jweġġgħu jew jitilfu ħajjithom, imma hu qasam li b’mod kontinwu qed joħloq inkonvenjenzi kbar għan-nies u residenti. Inkonvenjenzi li tirrapporta kemm tirrapporta tibqa’ bla sodisfazzjon. Dan stqarr magħna ukoll f’intervista fl-aħħar jiem Steve Ellul, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ellul ma qgħadx lura u ddikjara “x’jiġifieri qed tgħix f’darek, hemm xogħlijiet u tara x-xquq u meta tirrapporta qisu ħadd ma jagħti kasek”. Din hi karba ta’ ħafna residenti. Karba li ma nistgħux ma nistaqsuh meta se tinstema’. Meta min jirrapporta se jingħata sodisfazzjon għal dak li dwaru jkunu qed isiru l-ilmenti. Meta ha naraw li jieqfu l-inkonvenjenzi. Xogħlijiet f’ħinijiet fit-tard, trabijiet. Toroq jingħalqu bla permess. Dawn kollha esperjenzajnihom fl-aħħar jiem.

L-istess Steve Ellul għamel dikjarazzjoni oħra. Din kienet dik li qal li “irridu naraw li aħna ir-residenti inkunu fuq l-istess livell tal-kuntratturi”. Anki dan hu sentiment li jħossuh u jesperjenzawh in-nies. Iħossu li donnu hawn kuntratturi li jistgħu jagħmlu li jridu u minħabba dan iċ-ċittadini ma jħossuhom li qegħdin fuq l-istess livell tal-kuntratturi.

Id-domanda li trid issir hi meta dan se jseħħ. Meta se tinstema’ il-karba tar-residenti? Meta se jgħixu b’serenità fil-kwiet ta’ darhom waqt li qribhom għaddej ix-xogħol.

Sfortunatament f’pajjiżna fuq dawn l-inċidenti kien hawn skiet. Skiet taqtgħu b’sikkina. Jiddispjaċina ngħidu li konna nistennew li fuq dawn il-korrimenti ta’ ħaddiema, stennejna reazzjonijiet qawwija. Reazzjonijiet biex każijiet bħal dawn naraw li ma jiġrux aktar.

Jiddispjaċina ngħidu li sirna pajjiżna li nitkellmu xi drabi fuq kontroversji frivoli għal aħħar, u donnu ninsew inċidenti bħal dawn.

Nemmnu li rridu naraw awtoritajiet aktar b’saħħithom li joħorġu jitkellemu b’qawwa kontra inċidenti bħal dawn. Fuq kollox irridu naraw kampanji regolari dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Irridu naraw miżuri qawwija ta’ infurzar, biex l-perikli jitnaqqsu.

Jiddispjaċina ngħidu li għadna naraw fit-toroq tagħna, ħaddiema jaħdmu jew esposti għall-periklu.

Wieħed irid jirrimarka li f’dan il-qasam saret ħidma kbira mill-awtoritajiet. Ittieħdu miżuri bil-għan li jitneħħew il-kuntratturi li jaġixxu ta’ ‘cowboys’. Ittieħdu miżuri biex ikun hemm standards għola fis-settur tal-kostruzzjoni. Ittieħdu miżuri li se jkunu qed jgħinu b’pariri professjonali lil residenti li ħdejhom ikun hemm xogħlijiet għaddejjin.

Nittamaw li jittieħdu l-azzjonijiet li hemm bżonn biex traġedji simili jitnaqqsu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport