Monday, December 23, 2024

Aktar koperazzjoni bejn Malta u l-Italja fuq temi komuni

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Piantedosi. Il-laqgħa saret f’Ruma, fejn iż-żewġ Ministri komplew isaħħu r-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Italja, żewg pajjiżi li jaffaċċaw realtajiet u sfidi komuni.

Matul il-laqgħa, iż-żewġ Ministri ffukaw, fost oħrajn, fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari u l-importanza li ż-żewġ pajjiżi jibqgħu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi li din iġġib magħha. Il-Ministru Byron Camilleri u Ministru tal-Intern Taljan Matteo Piantedosi ddiskutew kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jibqgħu jaħdmu b’kollaborazzjoni sabiex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin, modi kif jonqsu n-numru ta’ persuni li jipperikolaw ħajjithom bi vjaġġi bil-baħar u aktar koperazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà, u l-infurzar tal-liġi.

Iż-żewġ Ministri ddiskutew ukoll l-importanza li l-Libja tibqa’ tingħata s-sapport meħtieġ biex issaħħaħ ir-riżorsi ta’ tfittxija u salvataġġ, biex tkompli l-ġlieda kontinwa kontra t-traffikanti tal-bnedmin u biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fl-immaniġġjar tal-fruntiera. Iż-żewġ Ministri saħqu fuq l-importanza li tiżdied il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Libja, fosthom bi sforzi mmirati biex il-Libja tirritorna aktar immigranti lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, biex b’hekk ikomplu jonqsu t-traġitti irregolari li jwasslu għal diversi mwiet.

Il-Ministru Camilleri sostna l-importanza ta’ laqgħat bilaterali bħal dawn u oħrajn li kellna f’pajjiżna fil-ġimgħat li għaddew, fosthom mar-Repubblika Ċeka, għal aktar ħidma koordinata li twassal għal politika li tħalli r-riżultati.

Il-laqgħa bilaterali ntemmet b’impenn komuni bejn iż-żewġ pajjiżi għal aktar ħidma u koperazzjoni flimkien fuq numru ta’ temi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport