Sunday, November 24, 2024

Aktar minn 11,000 edukatur se jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar u titjib fil-pagi

Iffirmat l-aqwa ftehim għall-edukaturi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Berġa ta’ Kastilja ġie ffirmat l-aqwa ftehim għall-edukaturi bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema (MUT). Dan il-ftehim settorjali se jfisser titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ aktar minn 11,000 edukatur.

F’indirizz li għamel qabel l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif il-Gvern kien wiegħed titjib sinjfikanti fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u llum għandna l-aqwa ftehim għall-edukaturi. Huwa fisser l-edukaturi bħala mutur fil-qasam edukattiv hu u jinnota li l-ftehim fih żidiet fis-salarji għall-gradi kollha tal-edukaturi.

Il-ftehim ikopri l-perjodu ta’ ħames snin u se jibda jgħodd bl-arretrati sa mill-bidu tas-sena l-oħra sal-aħħar tal-2027. Il-ftehim fih ukoll avvanz fil-karriera b’pass aktar mgħaġġel u se jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi.
“Wegħedna li rridu nagħtu lil din il-professjoni valur aktar b’saħħtu, inkluż f’dak li huwa d-dħul finanzjarju.

Grati talli huma li jkunu fost tal-ewwel li jiżirgħu dik iż-żerriegħa għall-futur ta’ wliedna,” qal il-Prim Ministru. Huwa nnota kif dan il-ftehim mhux wieħed iżolat. “Fil-fatt dan huwa wieħed minn numru ta’ ftehimiet kollettivi oħra li fissru kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u żieda fid-dħul ta’ ħaddiema differenti f’oqsma kruċjali bħal dak tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-edukazzjoni.”

Il-Prim Ministru tenna li jara l-edukazzjoni bħala dik li tagħti lil kull ċittadin il-ħiliet u s-sodisfazzjon li jista’ jimmassimizza t-talenti kollha tiegħu. Settur kruċjali fil-bidliet li jridu jsiru ta’ soċjetà li tinvesti iżjed fil-kwalità u fil-ħiliet tal-aqwa riżorsa li għandna – ir-riżorsa umana.

Huwa temm jgħid li b’dan il-ftehim qed jintbagħat messaġġ ċar u b’saħħtu li jekk trid issir għalliem, l-istat mhux biss iħeġġek imma jinċentivak u jagħtik dak li ħaqqek.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, filwaqt lil rringrazzja lil dawk kollha involuti fid-diskussjonijiet li wasslu għall-aqwa ftehim settorjali li qatt kellhom l-edukaturi, qal li dan il-ftehim huwa wkoll l-ewwel ftehim li permezz tiegħu l-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema għandhom viżjoni komuni għat-tkomplija tat-trasformazzjoni tas-settur edukattiv.

“B’ħidma flimkien, mal-edukaturi, mal-imsieħba soċjali, mar-rappreżentanti tal-edukaturi, mal-ġenituri u mal-istudenti nfushom se naraw li f’dan is-settur verament il-persuna tkun fiċ-ċentru”, qal il-Ministru Grima.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici sostna li dan il-ftehim hu riżultat ta’ negozjati fuq ftehim li jirrikonoxxi l-esperjenza, il-kwalifiċi u l-impenn tal-edukaturi u jsostnihom sabiex ikomplu joffru l-aqwa esperjenza tat-tagħlim lill-istudenti.
Il-ftehim settorjali kien presedut mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana.

Sport