Tuesday, June 30, 2026

Aktar minn 332,000 vjaġġi tal-passiġġieri fl-ewwel xahar tas-servizz kompletament elettriku tal-linja f’Għawdex

Aqra wkoll

Xahar wara l-elettrifikazzjoni sħiħa tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex, is-servizz tal-linja f’Għawdex irreġistra aktar minn 332,000 vjaġġi tal-passiġġieri fuq total ta’ 16,220 vjaġġ, b’turija ta’ interess qawwi fis-servizz il-ġdid ta’ mingħajr emissjonijiet. Din iċ-ċifra tirrifletti żieda ta’ 11% fl-użu min-naħa tal-passiġġieri meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Għawdex hija l-ewwel gżira fl-Ewropa li qed topera flotta tat-trasport pubbliku kompletament elettriku, u din l-inizjattiva tirrappreżenta l-akbar investiment fit-trasport pubbliku li qatt sar f’Għawdex.

Din iċ-ċifra timmarka l-ewwel xahar tal-operat sa mit-tlestija tan-netwerk kollu tat-trasport pubbliku f’Għawdex min-naħa tal-Malta Public Transport, fejn il-karozzi tal-linja li jaħdmu bid-dijżil inbidlu kollha għal flotta moderna ta’ vetturi elettriċi flimkien ma’ infrastruttura dedikata biex dawn jiġu ċċarġjati.

Dawn in-numri b’saħħithom fejn jidħol l-użu tal-linja mill-passiġġieri f’Għawdex jimxu id f’id mal-kisbiet ambjentali, fejn il-flotta elettrika mistennija telimina 1,300 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fis-sena, biex trasport pubbliku aktar nadif u kwiet isir realtà għal Għawdex.

Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport qal: “L-ewwel xahar tal-operat wera li t-transizzjoni lejn mobilità elettrika f’Għawdex mhux biss qed tħalli benefiċċji ambjentali iżda wkoll qed tintlaqa’ tajjeb mir-residenti u mill-viżitaturi. Il-fatt li saru aktar minn 332,000 vjaġġi mill-passiġġiera hija indikazzjoni inkoraġġanti ta’ żieda fil-fiduċja fit-trasport pubbliku. Dawn ir-riżultati bikrin juru li s-sostenibbiltà ambjentali u trasport pubbliku effiċjenti jistgħu jimxu id f’id, għal benefiċċju kemm tal-komunità kif ukoll tal-ambjent.

Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €11-il miljun, imniedi x-xahar l-għadda, il-karozzi tal-linja li kienu jaħdmu fid-dijżil f’Għawdex inbiddlu għal karozzi tal-linja elettriċi b’żero emissjonijiet, flimkien ma’ infrastruttura għall-iċċarġjar fid-depot il-ġdid fil-Faċilità tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma.

Dan il-proġett sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Malta Public Transport, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, u d-Direttorat Eco-Gozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport