“L-edukazzjoni hija l-forza li tbiddel kull soċjetà.” Hekk stqarr il-Prof. Frank Bezzina fl-ewwel diskors tiegħu wara li ħa l-ġurament tal-ħatra bħala t-82 Rettur tal-Univeristà ta’ Malta.
Fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, Prof. Bezzina qal li l-Università ta’ Malta saret u se tkompli ssir il-post fejn mhux biss wieħed jistudja, iżda l-post fejn wieħed jaħseb u joħroġ b’ideat ġodda. Stqarr li dawn l-ideat li joħorġu mill-Università jiġu trasformati f’ideat ta’ bidla.
Prof. Bezzina qal li l-Università ta’ Malta mhux biss hija istituzzjoni li għandha rispett internazzjonali, iżda hija l-post fejn il-futur ta’ Malta jitfassal fil-ħsieb, jiġi mistoqsi u anke mibni.
“L-edukazzjoni hija l-forza li tbiddel kull soċejtà. Tgħin lin-nies jimxu ‘l quddiem u saħħaħ il-komunitajiet. L-università għandha d-dover li mhux biss tkun id-dawl tat-transformazzjoni ta’ dan kollu, iżda wkoll tkun il-mexxej u l-post ta’ innovazzjoni,” kompla jgħid Prof. Bezzina fl-ewwel diskors tiegħu.
Hu rringrazzja lill-Prof. Alfred Vella li serva bħala Rettur tal-Università ta’ Malta fejn stqarr li kien ta’ unur kbir li jaħdem miegħu fil-qrib tul l-aħħar ħames snin.
Prof. Bezzina rringrazzja lill-ġenituri tiegħu, lil martu u lil uliedu tal-appoġġ li dejjem tawh tul dan is-snin kollha biex seta’ jieħu l-kariga ta’ Rettur “li hija kariga rari u ta’ privileġġ kbir.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, l-Ispeaker u anke l-Kap tal-Oppiżizzjoni.

