Saturday, December 21, 2024

Aktar minn 8,500 telefonata fuq il-helpline tas-saħħa mentali tal-1579 mit-tnedija tiegħu

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet saru 7,636 telefonata fuq il-helpline tas-saħħa mentali tal-1579. Ikkonferma dan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela meta kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo. 

Ottubru kien l-iktar xahar impenjattiv fejn daħlu 762 telefonata filwaqt li Frar kien l-inqas wieħed impenjattiv fejn daħlu 433 telefonata.

Kien id-Deputat Prim Ministru u dak iż-żmien Ministru tas-Saħħa Dr Chris Fearne flimkien mal-Psikjatra Dr Anton Grech li f’Novembru tas-sena 2022 nedew il-helpline 1579 b’operat ta’ 24 siegħa kuljum is-sena kollha bil-għan li jindirizza ż-żieda ta’ persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali fl-aħħar snin.

Fl-ewwel xahar tal-operat tiegħu daħlu 331 telefonata filwaqt li f’Diċembru tal-2022 daħlu 580 telefonata. Dan ifisser li mill-bidu tal-operat tal-helpline sal-aħħar tas-sena li għaddiet daħlu 8,547 telefonata.

Fil-bidu dan is-servizz beda jingħata b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, anke minħabba li l-pandemija kienet qiegħda titlob assistenza massima mill-istaff mediku. Iżda matul dan il-proċess, tmien psikologi kienu qegħdin jingħataw taħriġ speċjali.

Ekonomija

Sport