Thursday, April 18, 2024

AKTAR NIES … INQAS TWELID

Aqra wkoll

Sa 28 sena oħra, fis-sena 2050, il-popolazzjoni fil-gżejjer tagħna mistennija tilħaq 668,000. Jekk jiġri dan nkunu l-pajjiż bl-akbar tkabbir tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Diġa’ aħna fost il-pajjiżi l-iżjed iffullati fid-dinja. Hawn min jgħid li iżjed minn pajjiż iffullat, pajjiżna diga’ fgat bin-nies. Iżjed nies ifisser iżjed djar, iżjed karozzi, iżjed tfal fl-iskejjel iżjed nies l-isptar … iżjed pressjoni biex is-servizzi pubbliċi tagħna tad-dawl, tal-ilma, tad-drenaġġ jaħdmu biex jaqdu iżjed nies.

Sadattant aħna fost il-pajjizi Ewropej bl-aktar rata baxxa ta’ twelid. In-nisa tagħna huma bir-rata l-aktar baxxa ta’ fertilita’: 1.14%. Fis-sena 2020 twieldu 4,414 tarbija f’pajjiżna, terz minnhom lill-ommijiet mhux imwielda f’Malta. Fis-sena 1950 kienu twieldu fostna 10,281 tarbija. Spiss ikun hawn min jgħid li għandna invażjoni tal-barranin li jiġu jaħdmu fostna. Ftit eluf minnhom daħlu hawn bħala immigranti rregulari. Imma ħafna minnhom ġew jaħdmu hawn għax m’għandniex biżżejjed nies Maltin biex jimlew l-impjiegi li noħolqu. 

Kull sena noħolqu 12,000 impjieg. Jitwieldu 4,000. Mnejn se jiġu t-8,000 li għandna bżonn? Bħalissa għandna popolazzjoni ta’ 443,803. Minnhom 98,918 (21%) huma barranin. Jekk fis-sena 2050 se jkollna popolazzjoni ta’ 668,000, kemm minnhom se jkunu barranin, jekk ir-rata ta’ twelid tagħna tibqa’ baxxa ħafna.

Tant hi baxxa r-rata tagħna li l-għamla tal-popolazzjoni tagħna hija dik li tissejjaħ forma ta’ tebut, għax għandna popolazzjoni li qed tikber u tixjieħ. Irridu niddeċiedu: jekk ingergru mill-barranin li hawn jaħdmu fostna u aħna ma nżidux ir-rata tat-twelid, mhux bilfors jiżdiedu l-barranin li jigu jahdmu fostna? 

Jew irridu nċekknu l-ekonomija? Nistgħu mmorru għal tkabbir ekonomiku li mhux bilfors ifisser li rridu iżjed barranin fostna? Flok inżidu n-nies se nżidu t-teknoloġija? Imma f’liema oqsma? Anki l-Ġappun li daħħal ħafna l-użu tar-robots u l-intelliġenza artifiċjali fl-industrija u anki fit-turiżmu, sab li ried iħeġġeġ iħjed nisa u anzjani jidħlu jew jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. U kif għadu qatt ma kellna diskussjoni serja dwar ir-rata ta’ twelid tagħna? Iżjed nisa jaħdmu bilfors twassal għal inqas twelid ta’ trabi? X’jista’ jsir biex inżidu r-rata ta’ twelid tagħna?

Bidliet fil-politika

M’hemmx dubju li se tkompli tinbidel il-politika lokali. Qed ikomplu jiżdiedu dawk li jaħsbu b’moħħhom dwar x’inhu għaddej u mhux joqogħdu fuq xi partit biex jgħidilhom x’għandhom jaħsbu. Żdiedu dawk li l-politika mhix importanti f’ħajjithom. Żdiedu dawk li jikkunsidraw jivvotaw għall-partit differenti minn dak li s’issa vvutaw għalih.

Hekk juri l-istħarriġ li sar f’April li għadda għall-‘istat tan-nazzjon’, il-konferenza nazzjonali msejħa mill-President George Vella. Kważi 40 fil-100 tal-istudenti qalu li ma jagħtu l-ebda importanza lill-politika Maltija f’ħajjithom. Dawk li m’għadhomx jivvotaw għall-istess partit telgħu għal 28 fil-mija minn 17 fil-mija s-sena li għaddiet. Kważi nofs dawk fl-eta` bejn 25 u 35 jikkunsidraw jivvotaw għal partit ieħor milli vvutaw s’issa. Dawk li l-aktar lesti jivvotaw għall-partit differenti aktarx li ssibhom jgħixu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, għandhom livell edukattiv ogħla u jaqilgħu iżjed flus.

L-istampa ġenerali hi li aktar nies qed iżommu anqas ma’ partit partikulari. Fl-elezzjoni ta’ Marzu li għadda, 60,000 ruħ ħassru l-vot, jew ma ġabruhx, jew ġabruh u ma vvotawx. 9,308 ċittadin ivvutaw għall-partiti ż-żgħar. Il-partiti politiċi se jkollhom jaħdmu iżjed u aħjar biex jitwemmnu u jiksbu l-appoġġ meħtieg fost iċ-ċittadini għax l-appoġġ m’għadux awtomatiku jew garantit.

Ekonomija

Sport