Sunday, May 5, 2024

“Aktar nies qegħdin jifhmu li l-ħlas tat-taxxa mhux biss irid isir, imma jrid isir ukoll fil-ħin”

– il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum il-ġurnata aktar nies u kumpaniji qegħdin jifhmu li l-ħlas tat-taxxa mhux biss irid isir, imma jrid isir ukoll fil-ħin. Kollox qed jindika li qed ikun hemm titjib sinjifikanti minn sena għall-oħra.” Qal dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar Abbozz Nru. 60 li jemenda l-Att dwar il-Kummissarju tat-Taxxi.

Huwa spjega li l-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex ibiddlu t-titolu tal-Att, ibiddlu kull referenza għall-Kummissarju tat-Taxxi u l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi sabiex tiġi inkluża d-Dwana, u sabiex jiġi stabbilit Bord ta’ Governanza sabiex jassigura livell għoli ta’ monitoraġġ tal-amministrazzjoni tal-Atti tat-Taxxa.

Il-Ministru Caruana qal li dan kollu qed isir anke fi sfond tat-tnedija tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana li saret ftit tal-ġimgħat ilu. L-għan tal-istrateġija li qed tħares għat-tliet snin li ġejjin hu li din l-amministrazzjoni toħloq aktar sinerġija f’dak li qabel konna nsibu bħala d-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Żied jinnota li: “huwa minnu li d-dħul tal-Gvern żdied b’mod sostanzjali mhux biss minħabba t-tkabbir ekonomiku imma żdied ukoll għall-fatt li d-Dipartiment qed isir aktar effettiv fil-ġbir ta’ dak li huwa dovut.”

“B’dawn il-bidliet qed nassiguraw li l-amministrazzjoni ssir aktar b’saħħitha u effettiva għaliex fl-aħħar mill-aħħar sabiex il-Gvern jilqa’ għal kwalikwe xokkijiet li ġejjin minn barra l-pajjiż, irid ikun hemm ir-riżorsi.

“Qegħdin nassiguraw sabiex fis-snin li ġejjin il-Gvern jaċċerta ruħu li dak li hu dovut se jiġbru imma nkunu qed niżguraw li permezz tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana tkun qed twettaq ġustizzja soċjali sabiex dak kollu dovut ikun qiegħed jinġabar,” tenna l-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol.

Sadanittant, huwa tkellem ukoll dwar Abbozz Nru. 53 li jemenda l-Att dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzarji. L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex għaqdiet tal-konsumaturi jkunu kkunsidrati eleġibbli sabiex jippreżentaw ilmenti quddiem l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji u sabiex ukoll l-Att dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji (Kap. 555) jkun konformi mad-Direttiva (UE) 2016/97.

Il-Ministru Caruana spjega li mindu twaqqaf l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, mill-2016 ‘il quddiem, ġew trattati xejn inqas minn 5,000 ilment li rrikorrew għandu wħud minnhom kienu ta’ natura minuri u oħrajn kienu ta’ natura aktar serji.

“Dan juri li l-mod ta’ kif l-uffiċċju jaħdem, jagħti każ dak li qed jersaq quddiemu mingħand il-konsumatur,” tenna jgħid il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol.

Sport