Tuesday, December 24, 2024

AKTAR RIFORMI LI JINDIRIZZAW IR-REALTAJIET TAN-NIES

Aqra wkoll

Ir-riformi fil-liġijiet tal-pajjiż qed ikomplu bil-għan li l-ħajja tan-nies tirrifletti r-realtajiet tal-lum. F’dan il-kuntest, il-Gvern qed ikompli b’kuraġġ jirriforma liġijiet biex dawn jiġu aġġornati għar-realtajiet tal-lum. Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Gvern mhux qed jaqbad u jirriforma waħdu iżda qed jinżel fost il-pubbliku u jitlob il-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom.

Bħalma rajna fi tmiem ix-xahar li għaddiet, fejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal organizzaw l-ewwel laqgħa pubblika dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja

F’dik li kienet l-ewwel laqgħa pubblika b’rabta mal-Qorti tal-Familja, li fiha ħa sehem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, ġew diskussi bosta temi speċifiċi fosthom l-aċċess u l-manteniment, proċeduri aħjar fil-Qorti tal-Familja, il-kura u l-kustodja u l-co-parenting u parental alienation.

Kif spjega tajjeb il-Prim Ministru, il-proċess quddiem il-Qorti tal-Familja għandu jimxi fuq żewġ binarji, bl-ewwel triq għandha tkun dik tar-rikonċiljazzjoni u l-proċess ta’ medjazzjoni biex jekk hemm ċans li l-familja ssalva, dik l-opportunità tkun tista’ tingħata.

Quddiem dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux id-diskors li l-Prim Ministru għamel jumejn ilu, fejn ġie irrimarkat li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn meta jkollok sitwazzjonijiet fejn jidħlu l-familji.

Bħal ma jaf kulħadd, dan is-settur huwa wieħed delikat u għalhekk nemmnu li l-Gvern jrid ikollu sistema ġudizjarja li tkun waħda effettiva għar-realtajiet tal-familji. Aħna naqblu mal-fatt illi l-Gvern qed iħares lejn il-fatt li f’pajjżna jkollu Qorti tal-Familja li tkun speċjalzzata.

Ir-realta’ u l-ħasra hi li t-tfal normalment jintużaw bħala ballun speċjalment meta ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ ġenituri. Huwa għalhekk importanti li dawn jikkoperaw sabiex b’hekk it-tfal ma jispiċċawx vittmi ta’ pika li jista’ jkun hemm bejn il-partijiet.

Għajnuna teżisti iżda jeħtieġ li minbarra r-riformi kontinwi minn dan il-Gvern, ikun hemm ir-rieda tal-ġenituri li jgħinu biex sitwazzjonijiet ma jeskalawx bla bżonn u sabiex dawn iħarsu lejn x’inhu l-aħjar għal uliedhom u mhux li tinħoloq pika bejn ġenitur u ieħor.

Tajjeb li dawn iżommu f’moħħhom illi l-ulied diġà jkollhom ferita meta r-relazzjoni bejn il-ġenituri tagħhom tispiċċa. Għalhekk, ikun iżjed ta’ benefiċċju jekk tinħoloq koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet konċernati milli nkomplu nitfgħulhom iżjed melħ fuq il-ġerħa.

Nemmnu illi bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’din ir-riforma nistgħu tassew niżguraw li l-familji jkollhom aċċess għal sistema legali li tkun waħda ġusta, effiċjenti u li tirrispondi għas-sitwazzjonijiet soċjali li jinsabu fihom.

Ekonomija

Sport