Wednesday, April 24, 2024

AKTAR RIŻORSI GĦAL FAMILJI LI JRIDU TARBIJA BL-IVF

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-2013 lil hawn, kien hemm 479 tarbija li twieldu mis-servizz tal-IVF b’xejn fl-Isptar Mater Dei. Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern se jkompli jżid il-faċilitajiet kollha mediċi billi d-domanda għal dan is-servizz qiegħda dejjem tiżdied.

Waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni ta’ Embrijuni għal din is-sena, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-programm tal-IVF f’Mater Dei miexi b’ritmu tajjeb ħafna tant li fix-xhur li ġejjin se jitwieldu 69 tarbija oħra.

Fid-diskors tiegħu, Fearne sostna li s-sensazzjoni ta’ meta jkollok tarbija hi xi ħaġa li ddeskriviha bħala “fenomenali”, iżda sfortunatament mhux kulħadd f’pajjiżna jista’ jkollu din il-ħaġa sabiħa li tista’ tiġri. Spjega li wieħed minn kull sitta f’Malta ibati minn infertilità, fejn ikollu problemi biex ikollu tfal.

Fearna kompla jgħid li dan l-aħħar kien hemm tifel ta’ 7 snin li avviċinah u qallu “ninsab hawn grazzi għalik.” Dan it-tifel kien minn tal-ewwel li twieled f’Mater Dei bl-IVF.

“Dan l-episodju tani sodisfazzjon kbir anke bħala politiku li stajna nagħmlu din id-differenza u nagħtu din il-ħajja ġdida. Dan kollu grazzi għad-deċiżjonijiet kuraġġużi li ħa dan il-Gvern. Kif tista’ ma tkunx kburi li tkun parti minn dan il-moviment progressiv,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa rrikonoxxa wkoll illi meta persuna tidħol għall-proċess tal-IVF, apparti li ħafna drabi jkun hemm skumdità, ikun hemm ukoll taqtigħ il-qalb. Kien hawn fejn irringrazzja lil dawn il-koppji tal-kuraġġ u tas-sagrifiċċju li jagħmlu biex iżommu f’idejhom din il-ħajja ġdida.

Fearne semma wkoll kif is-sena li għaddiet kellna kważi 28% ta’ dawk li bdew l-IVF li kellhom tarbija b’saħħitha (take home baby rate). Dan huwa żieda ta’ kważi 7% fuq is-sena ta’ qabel.

Fakkar bl-emenda li ddaħħlet b’rabta mal-intra-uterine insemination (IUI) u d-donazzjoni tal-isperma fejn dwar din tal-aħħar diġà kellna seba’ ħajjiet ġodda u hemm disa’ tqalat oħra.

“Bl-emendi li daħħalna ftit xhur ilu, żidna ħafna l-opporunità li koppji nisa jkollhom aċċess għall-IVF, żidna l-età ta’ meta mara tista’ taċċessa l-IVF u żidna servizz ġdid tal-PGTM. F’dan l-ambitu, żdiedet ukoll id-domanda għas-servizz tal-IVF fl-Isptar tagħna.”

“Dan ifisser li rridu nżidu r-riżorsi tagħna. Matul dawn ix-xhur kellna diversi tenders biex nixtru apparat ġdid u nibnu laboratorji moderni biex ikollna dan is-servizz tal-IVF estiż.

“Qed inkabbru l-ispazju li minnu jaħdmu l-professjonisti tagħna f’Mater Dei. Ftit ġimgħat oħra se jkollna t-tielet konsulent li toffri s-servizz tal-IVF. Dan ifisser li noffru aktar opportunità għal nisa u rġiel li jsiru ommijiet u missirijiet,” spjega d-Deputat Prim Ministru.

Huwa temm jirringrazzja lill-istaff kollu tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni tal-ħidma tagħhom f’din l-istorja ta’ suċċess.

Sport