Friday, December 13, 2024

AKTAR SIGURTÀ FIL-LOKALITAJIET TAGĦNA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kien hemm diversi każi ta’ aggressjoni fuq persuni fejn il-Pulizija ġiet imsejħa biex tintervjeni. Rajna sitwazzjonijiet fejn kellhom jintervjenu għadd ta’ uffiċjali tal-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Każi li saħansitra spiċċaw quddiem il-Qrati tagħna u li l-istejjer tagħhom ġew irrapportati bi prominenza minħabba s-serjetà u l-gravità tagħhom.

Ngħiduha kif inhi, li persuna tkun miexja għall-affari tagħha jew inkella tkun qiegħda tagħmel eżerċizzju fiżiku u tisfa misruqa jew aggredita hi kundannabbli. Wisq aktar hi kundannabbli li dawn it-tip ta’ reati jsiru fuq persuni li huma avvanzati fl-età jew inkella vulnerabbli. 

Quddiem dan kollu, jinħass il-bżonn mhux biss ta’ aktar sigurtà fit-toroq tagħna imma wkoll pieni ħorox għall-aggressuri. Nemmnu li l-Korp tal-Pulizija għamel passi kbar ‘il quddiem f’dan ir-rigward anke bl-introduzzjoni tal-kunċett tal-community policing fejn il-pulizija qed ikunu eqreb taċ-ċittadin fil-komunità u jagħmlu rondi regolari bil-għan li jipprevjenu l-kriminalità.

Dan il-kuntatt mal-pubbliku huwa kruċjali biex iċ-ċittadini jħossuhom aktar siguri fil-lokalitajiet tagħhom. Jiġri iżda li minħabba l-kobor ta’ ċertu lokalitajiet, ikun diffiċli wisq li dawn ikunu koperti b’mod sħiħ u l-ħin kollu minn grupp żgħir ta’ pulizija. 

Hawnhekk ninnotaw b’sodisfazzjon li mill-bieraħ, il-Pulizija bdiet ukoll bir-rondi tagħha max-xatt ta’ Tas-Sliema, fil-ħin ta’ bejn il-5.00 a.m. u nofsillejl. Huwa mistenni li l-ħinijiet jitwalu wkoll biex ikopru anke wara nofsillejl. Din l-aħbar tat aktar serħan tal-moħħ lil dawk li jkunu mexjin fl-inħawi u anke turisti li jiġu jżuruna. 

Nemmnu wkoll li aktar kameras tas-sigurtà f’żoni bħal dawn jgħinu ħafna fil-ħidma tal-pulizija. Din il-proposta kienet ukoll imressqa mill-POU-GWU li talbet għal aktar koperazzjoni minn entitajiet diversi sabiex dawn iż-żoni jkunu mgħassa b’CCTV cameras li jkunu konnessi direttament mal-pulizija. 

B’din is-sistema apparti li jkun żgurat li jkun hemm l-għajnejn tal-pulizija fuq iż-żona kollha u allura jservu ta’ deterrent, tassigura wkoll rispons aktar immedjat għax f’każ ta’ inċident, il-pulizija jkunu infurmati bil-mument preċiż li jinqala’ inċident u bil-lokalità preċiża fejn seħħ l-inċident. 

Sistema bħal din toffri iktar serħan il-moħħ lill-pubbliku inġenerali u għalhekk tneħħi l-biża’ li wieħed joħroġ minn daru anke f’ħinijiet tard waranofsinhar.

Ekonomija

Sport