Ir-riżultati tas-Secondary School Certificate and Profile (SSQ&P) għas-sena skolastika 2025-2026 jikkonfermaw il-progress kontinwu li qed isir fis-sistema edukattiva Maltija, b’aktar studenti jiksbu kwalifiki rikonoxxuti u inqas studenti jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr livell ta’ kwalifika.
L-aħħar riżultati juru wkoll li 75% tal-istudenti tal-Year 11 kisbu livell fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF), żieda ta’ 5.5% fuq is-sena skolastika preċedenti. Fl-istess waqt, l-għadd ta’ studenti li kisbu MQF Livell 3 żdied b’14%, fatt li jkompli juri titjib fil-prestazzjoni akkademika tal-istudenti.
Fil-fatt, bejn l-2023 u l-2026, in-numru ta’ studenti li kisbu Livell 0 naqas b’23%, riżultat li jkompli jixhed l-effett pożittiv tar-riformi, l-investimenti u l-miżuri ta’ appoġġ implimentati fis-settur edukattiv. Dan ifisser li aktar studenti qed jilħqu standards akkademiċi rikonoxxuti u qed ikunu mħejjija aħjar għall-pass li jmiss fil-vjaġġ edukattiv u professjonali tagħhom.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri laqa’ dawn ir-riżultati b’sodisfazzjon u qal li huma konferma tal-progress li qed jitwettaq fis-sistema edukattiva, filwaqt li jkomplu jsaħħu d-direzzjoni strateġika tal-pajjiż fil-qasam edukattiv u l-progress miksub matul dawn l-aħħar snin.
“Meta naraw aktar studenti jiksbu kwalifiki u inqas studenti jispiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ċertifikazzjoni rikonoxxuta, inkunu qed naraw ir-riżultati ta’ ħidma konsistenti li tqiegħed lill-istudent fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Dan il-progress ma seħħx b’kumbinazzjoni, iżda huwa frott il-ħidma tal-edukaturi, il-ġenituri, il-professjonisti u l-investiment kontinwu li sar fis-sistema edukattiva matul is-snin,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru rringrazzja lill-edukaturi kollha għall-impenn tagħhom u saħaq li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-professjoni edukattiva, fil-kurrikulu, fil-metodi ta’ assessjar u fil-benesseri tal-istudenti sabiex aktar żgħażagħ ikollhom l-għodod meħtieġa biex jirnexxu.
Dawn il-kisbiet jibnu wkoll fuq il-progress li Malta kisbet fil-qasam tal-Early Leaving from Education and Training, fejn il-pajjiż laħaq l-inqas rata li qatt ġiet irreġistrata u niżel taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba. Flimkien, dawn ir-riżultati juru sistema edukattiva li qed tkompli tissaħħaħ u twassal għal aktar opportunitajiet għall-istudenti kollha.

