Malta reġgħet kisbet l-ewwel post fl-Ewropa fil-qasam tas-servizzi governattivi online, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-aħħar edizzjoni tal-eGovernment Benchmark.
Pajjiżna kiseb punteġġ ta’ 99.4 fil-provvista tas-servizzi online, fl-ewwel post, b’riżultat perfett ta’ 100 għas-servizzi offruti lin-negozji u punteġġ ta’ 99.1 għas-servizzi maħsuba għaċ-ċittadini.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana, sostna li dawn ir-riżultati jikkonfermaw kif is-Servizz Pubbliku Malti qed ikompli joffri servizzi diġitali ta’ kwalità li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Huwa enfasizza li l-investimenti sostnuti fit-trasformazzjoni diġitali qed iwasslu għal riżultati tanġibbli u jkomplu jsaħħu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi.
“Dawn ir-riżultati huma konferma oħra li l-viżjoni tagħna – Intejbu l-ħajja tan-nies kuljum – qed titwettaq fil-prattika, kuljum u f’kull ħin,” qal is-Sur Sultana.
Ir-rapport tal-eGovernment Benchmark evalwa 96 servizz diġitali f’kull pajjiż permezz ta’ eżerċizzju ta’ mystery shopping u analizza aktar minn 14,000 sit elettroniku governattiv madwar l-Ewropa.
Malta kisbet riżultati li qabżu b’madwar 11% il-medja Ewropea fis-servizzi diġitali għan-negozji u b’14% il-medja Ewropea fis-servizzi ġeneriċi għaċ-ċittadini.
Pajjiżna kiseb ukoll punteġġ massimu ta’ 100 fl-oqsma tas-sapport lill-utent, it-trasparenza u l-mobile friendliness, riżultati li jissarrfu f’vantaġġ ta’ 10, 30 u 3 punti rispettivament fuq il-medja Ewropea.
Barra minn hekk, Malta kisbet riżultati eċċellenti fl-indikaturi relatati mas-Single Digital Gateway, inkluż punteġġ perfett fil-kategorija Cross-Border ePayments, li tkejjel il-faċilità tal-ħlasijiet elettroniċi bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rapport eGovernment Benchmark 2026 u tagħrif relatat huwa disponibbli minn din il-link.

