Jani Cela, Albaniż ta’ 34 sena nżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli li żamm arma tan-nar li kienet ikkargata bil-munizzjon u lesta biex tintuża.
Il-Prosekuzzjonia fil-Qorti kif nhar l-Erbgħa li għadda, il-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun kienu fuq ronda u osservaw karozza li kienet għadha kif għamlet u turn u għalhekk kisret ir-regolamenti tat-traffiku. Kif għamlulha sinjal biex tieqaf din baqgħet issuq għal diversi metri.
Wara iżda waqqfuha u rriżulta li hi kienet ma’ persuna oħra, wkoll ta’ nazzjonalità Albaniża. Saret tfittxija fuq il-persuni u fil-pouch ta’ Cela nstabet arma b’ħames bullets fiha. L-Ispettur Zammit kompla jgħid li waqt l-investigazzjonijiet irriżulta li l-karozza ma kinitx reġistrata fuqu u li l-imputat kriha fuq isem ħaddieħor.
Cela, ġie mixli wkoll li fid-29 ta’ Jannar 2024 għamel uzu ta’ ismijiet foloz jew kwalifiki foloz jew bill inqeda b’qerq iehor, ingann jew billi juri ħaġa b’oħra sabiex iġiegħel titwemmen l-eżistenza ta’ intrapriżi foloz biex jagħmel qligħ bi hsara ghad-dannu ta’ diversi persuni.
Ġie mixli wkoll li saq vettura Peugeot 107 mingħajr ma kellu liċenzja tas-sewqan u mingħajr ma kien kopert b’polza dwar ir-riskji ghat- terzi persuni. Akkużi oħra kontrih jgħidu li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija.
L-imputat inżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.