Tuesday, December 24, 2024

Alex Agius Saliba jinsisti li r-Right to Disconnect jiġi implimentat b’effett immedjat

Aqra wkoll

Il-Membru Parliamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba organiżża konferenza tal-ogħla livell fil-Parlament Ewropew flimkien mal-grupp tas-S&D fejn huwa affiljat il Partit Laburista Malti. Il-konferenza, ntitolata “Right to Disconnect – M’hemmx ħin x’naħlu!”, ddiskutiet l-implimentazzjoni ta’ dan il-jedd u l-ħtieġa li dan jitwettaq bl-ikbar urġenza.

L-impjegati jirċievu messaġġi relatati max-xogħol tagħhom kuljum u f’kull ħin, hekk imsejjaħ 24-7. L-istennija dejjem tikber li tingħata tweġiba mmedjata qed iċċaħħad lill-ħaddiema mill-ħin liberu tagħhom wara l-ħin tax-xogħol. L-MPE Alex Agius Saliba osserva “kultura fejn qedgħin insiru dejjem izjed disponibbli u faċli sabiex nintlaħqu tista twassal għal profitti aħjar għal min iħaddem iżda ħalliet impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-klassi tal-ħaddiema.” Il-kwalità tal-ħajja tiddeterjora minħabba nuqqas ta’ ħlas għal ħin imwettaq f’sahra; stress, għejja esaġerata, solitudini u depressjoni. Fi kliem l-MPE Laburista “L-impjegati għandhom ikollhom il-jedd li jgħidu – le, mhux issa – mingħajr il-biża’ li jitilfu xogħolhom.”

Matul l-avveniment, li kien jikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ kelliema distinti, Il- European Trade Union Confederation u l-European Public Service Union ingħaqdu mal-MPE Laburista fis-sejħa għal azzjoni immedjata mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissarju għax-Xogħol u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, qal li l-proċess sabiex tiġi proposta leġislazzjoni dwar ir- Right to Disconnect se jibda fil-ġimgħat li ġejjin bil-ftuħ ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali. L-MPE Alex Agius Saliba osserva li l-implimentazzjoni ta’ direttiva dwar ir-Right to Disconnect saret izjed urġenti wara ż-żieda fil-prattika tat-teleworking, li saret izjed popolari waqt il-pandemija COVID-19.

L-avveniment ġie organiżżat wara li ma ntlaħaqx ftehim f’laqgħa bejn l-imsieħba soċjali li saret f’Novembru li għadda. Matul ix-xahar ta’ Diċembru, l-Parlament Ewropew tħaddet din il-kwistjoni u talab li l-Kummissjoni Ewropea tieħu t-tmun tar-responsabbilità u tipproponi Direttiva mingħajr izjed dewmien. Alex Agius Saliba, li mexxa b’suċċess il-proposta tar-Right to Disconnect fil-Parlament Ewropew permezz ta’ rapport leġislattiv mħejji fuq inizjattiva tiegħu personali, reġgħa saħaq it-talba tal-Parlament li l-Kummissjoni tadotta Direttiva immedjatament.

“M’hemmx ħin x’naħlu. Iżjed minn 80% tal-ħaddiema jiċievu messaġġi relatati max-xogħol fil-ħin liberu tagħhom. Il-ħaddiema jħossuhom fid-dmir li jwieġbu mmedjatament b’sens ta’ responsabbiltà lejn ix-xogħol u minħabba l-biża’ ta’ konsegwenzi negattivi f’każ li ma jwieġbux. Neħtieġu Unjoni Ewropea li tipproteġi l-ħaddiema u tiżgura li jkunu f’qadgħa li jinfurzaw id-dritt fundamentali tagħhom għar-Right to Disconnect u għal mistrieħ adegwat,” ikkonkluda l-MPE Alex Agius Saliba waqt il-konferenza.

Ekonomija

Sport