Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba kiteb lill-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola fir-rwol tagħha ta’ President tal-Parlament Ewropew fejn talabha tieħu azzjoni konkreta wara li reġgħet bdiet il-vjolenza fil-Palestina. Id-deċiżjoni ħesrem t’Iżrael li jieqaf jonora l-waqfien mill-ġlied wasslet għal aktar minn 400 mewt, l-aktar ċivili inkluż tfal, u ħalliet bosta nies oħra midruba. Agius Saliba talab lil Metsola biex tidderiġi lill-UE u lill-istati membri biex jieħdu miżuri punittivi li jxekklu l-kapaċitajiet militari ta’ Iżrael li jwettqu dawn id-delitti tal-gwerra.
Alex Agius Saliba ilu jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tieħu miżuri konkreti biex twaqqaf il-vjolenza fil-Palestina sa mill-bidu tal-vjolenza li ilha għaddejja minn Ottubru 2023 u wasslet għall-mewt ta’ madwar 50,000 ċivili. Bosta oħrajn mietu minn nuqqas ta’ ikel, sanità ħażina u mard ieħor li jista’ jiġi evitat minħabba kollass totali fl-infrastruttura bażika u s-servizzi tas-saħħa disponibbli fil-Medda ta’ Gaża. Il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li ntlaħaq ftit ġimgħat ilu nissel tama li din il-vjolenza fl-aħħar waslet fi tmiemha, iżda dawn it-tamiet sfaxxaw wara li Iżrael naqas milli jirrispetta l-ftehim milħuq.
Fl-ittra tiegħu d-Deputat Mexxej Laburista saħaq li l-UE għandha tonora l-obbligi internazzjonali tagħha u s-sentenzi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u tieħu azzjoni biex tipprevjeni l-ġenoċidju u tiżgura li dawk ħatja ta’ delitti tal-gwerra jinżammu responsabbli. Agius Saliba talab li l-ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael għandu jiġi sospiż minħabba l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li ġew imwettqa waqt il-kunflitt. Insista wkoll li l-UE għandha timponi sanzjonijiet u miżuri oħra mmirati lejn il-kapaċitajiet militari, industrijali u infrastrutturali tal-Iżrael.
Dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jillimitaw l-abiltà t’Iżrael li jwettaq attakki bħal dawn u jiżguraw li l-UE ma tkunx ħatja li qed tiffaċilita delitti tal-gwerra. Agius Saliba talab ukoll lil Metsola biex tinsisti li l-UE tappoġġja l-pjan ippreżentat mil-Lega Għarbija għar-rikostruzzjoni ta’ Gaża u sabiex jiġu mnedija riformi politiċi li jiżguraw l-awtonomija għall-Palestinjani.
Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista temm billi osserva li l-poplu Palestinjan ġarrab għexieren ta’ snin ta’ spostamenti furzati, okkupazzjoni u vjolenza. “Issa wasal iż-żmien li naġixxu biex jintemmu dawn l-atti ta’ oppressjoni sistematika”, temm jgħid Agius Saliba.