Saturday, May 18, 2024

ANALIŻI TAS-SUQ BIEX JITWAQQFU DAWK LI ĦADU VANTAĠĠ

Aqra wkoll

Kif ġieli tkellimna u xandarna f’din il-gazzetta, il-prezzijiet f’pajjiżna komplew telgħin ‘l fuq. F’pajjiżna, kif hemm f’pajjiżi oħra, din hi sitwazzjoni li qed iseħħ minħabba ċ-ċirkostanzi tas-suq u tar-realtajiet madwarna. Waqt li għandna min kien ġenwin u aġġusta l-prezzijiet tiegħu skont kif għolew minn barra u qed jipprova jżomm l-istabbilltà fil-prezzijiet għalkemm diffiċli, hemm oħrajn li jidher li ħadu vantaġġ. Hemm min sfortunatament qed jara x’jagħmel biex ikompli jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni.

Illum għandna realtà li l-prezzijiet għolew tant li n-nies iħossuhom mill-ewwel. Kemm jekk tmur tiekol f’ristorant kemm jekk tagħmeL xirja normali tal-ikel tinduna li l-ispiża telgħatlek ferm aktar minn qabel. Anki jekk sempliċiment tmur tieħu kafe jew xi ħaġa ta’ malajr f’ħanut, se tinduna li qed tħallas aktar. 

Ngħiduha b’mod ċar wara li bdejna ħerġin mill-Covid19 minħabba żieda fid-domanda u nuqqas ta’ provvisti, il-prezzijiet bdew telgħin. Kienu żidiet, li għalkemm il-konsumaturi bdew jindunaw bihom, ma bdewx joħolqu daqstant diskussjoni. Kien hemm raġuni għal dan. Minħabba l-Covid u minħabba li għal diversi ġimgħat ħwienet u stabbilimenti kienu magħluqin u s-safar ġie fix-xejn, in-nies kellhom ferm u ferm aktar flus fil-but minn qabel. Kellek ukoll il-fattur li minkejja dan il-Gvern kien iddeċieda li  jieħu passi biex jgħin lill-konsumatur u lin-negozji.

Għalhekk f’dak iż-żmien ta’ irkupru mill-Covid, il-prezzijiet bdew jiċċaqilqu b’mod kajman.

Minn l-aħħar ta’ Frar bl-invażjoni Russa fl-Ukrajna, kellna sitwazzjoni ġdida ta’ żidiet. Din id-darba imma is-sitwazzjoni kienet differenti u dan għax f’pajjiżna għandna min iddeċieda li ma jżommx ma’ kif kienu qegħdin jogħlew il-prezzijiet minn barra imma ħadu vantaġġ.

Vantaġġ li qed jieħu diversi forom. Min għolla l-prodotti ta’ ristoranti imma ma żammx il-kwalità. Oħrajna għollew prodotti, ferm aktar minn kemm għolew minn barra.

Qed isiru wkoll ħafna ilmenti dwar il-fatt li għandna min f’pajjiżna, li ddeċieda li ma jgħollix il-prezz li jkun hemm mal-oġġett, imma imbagħad jogħla il-prezz meta tħallas il-kont. Dawn huma ilmenti li qed isiru u jidher li anke tressqu għand l-Għaqda tal-Konsumaturi. Li qed jiġri hu li meta l-konsumaturi jindunaw b’dan, l-iskuża li qed tinġieb hija li l-prezz għadu ma inbidilx jew inkella li ħadu żball l-impjegati. Il-biċċa hi li l-iżball dejjem ikun f’direzzjoni waħda jiġifieri li l-prezz fuq il-prodott ikun irħas minn dak imniżżel fil-kont u mhux bil-kontra.

Persważi li l-konsumaturi quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn jafu x’għandhom jagħmlu. M’għandniex dubju li għandna konsumaturi li se jkunu qegħdin jagħżlu fejn imorru.  Se jwarrbu lil dawk li qed jieħdu vantaġġ. Negozji li qed jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni iridu jifhmu li l-kelma timxi. Bil-midja soċjali llum, il-kelma timxi b’mod aktar mgħaġġel u faċilment jispiċċaw imwarrba.

Nemmnu ukoll imma li l-awtoritajiet ma jistgħux jibqgħu josservaw biss. Hemm bżonn azzjoni diretta. Azzjoni li biha naraw x’qed jiġri eżatt. Ibda mir-ristoranti, kafeteriji u spiċċa fi ħwienet oħra. Veru li s-suq jista’ jirregola għax in-nies jekk jaraw ħanut qed jieħu vantaġġ jibdew jaqtgħuh il-barra.

Nemmnu imma li l-awtoritajiet f’pajjiżna għandhom janalizzaw is-sitwazzjoni u jieħdu azzjonijiet fejn jidher biċ-ċar li qed isiru abbużi.  Dan fl-interess tal-konsumaturi. Fuq kollox jekk il-konsumaturi jitilfu il-fiduċja, hi l-ekonomija kollha li se tmur ħażin.

Sport