Tuesday, May 14, 2024

Wimbledon: Il-favorita Iga Swiatek eliminata

Aqra wkoll

Fis-sitt ġurnata tat-tournament ta’ Wimbledon, seħħet sorpriża kbira li forsi ħadd ma ra ġejja meta l-player numru wieħed tad-dinja, Iga Swiatek, sfat eliminata fit-tielet round minn Alize Cornet. Fil-kategorija tal-irġiel l-Awstraljan Alex De Minaur waqqaf il-mixja pożittiva li kien għaddej biha l-Britanniku Liam Broady.

Kienet telfa li tweġġa’ għal Swiatek li probabbli kienet insiet kif tinħass telfa u din żgur li weġġgħetha.

Iżda kien hemm ferħ madwar Court Numru Wieħed għal Cornet u xi sforz qalbieni għamlet biex ħarġet rebbieħa.

“Tfakkarni meta kont għelibt lil Serena fuq l-istess court tmien snin ilu,” qalet Cornet.

Swiatek kienet fuq 37 rebħa konsekuttiva. Iżda issa din hija storja.

Wirja kbira tassew. L-aqwa seed ikkommettiet ħafna żbalji mhux sfurzati – 32 – iżda l-Franċiża numru 37 fir-rankings ma ħallitx il-logħba tagħha taħarbilha għal sekonda.

Il-mixja tal-wildcard Broady ġiet fit-tmiem tagħha hekk kif l-Awstraljan De Minaur ħassar it-tamiet ta’ player ieħor Britanniku.

Broadby, 28 sena, kien qed jikkompeti fit-tielet round ta’ Grand Slam għall-ewwel darba fejn sab lil De Minaur b’ħafna kwalitá.

De Minaur għeleb lill-Brittaniku Jack Draper fit-tieni round u issa żied lil Broady fil-lista tiegħu b’rebħa 6-3 6-4 7-5. Għalhekk issa huwa Cameron Norrie biss li baqa’ jikkompeti mill-Ingliżi fil-kategorija tal-irġiel.

Illum Norrie jiltaqa’ kontra l-Amerikan Tommy Paul waqt li Heather Watson, li hija l-aħħar mara Brittanika, se tilgħab kontra l-Ġermaniża Jule Niemeier fl-aħħar 16.

L-Olandiż Botic van de Zandschulf kompla għaddej ukoll meta għeleb lill-veteran Franċiż Richard Gasquet f’erba’ sets, 7-5 2-6 7-6 (9-7) 6-1.

Player ieħor li għadda għar-round li jmiss kien Iiċ-Ċilen Cristian Garin li anke hu ħa erba’ sets biex jelimina lill-Ame­ri­kan Jenson Brooksby, 6-2 6-3 1-6 6-4.

L-Amerikan Brandon Nakashima għeleb lil Daniel Elahi Galan tal-Kolumbja f’sets dritti 6-4 6-4 6-1 waqt li l-kompatrijott tiegħu Taylor Fritz kompla javvanza wkoll meta warrab l-isforzi tas-Slovakk, Alex Molcan, bil-punteġġ ta’ 6-4 6-1 7-6 (7-3).

Iżda l-Amerikan l-ieħor, Jack Sock, kien involut f’logħba ta’ ħames sets li huwa tilef kontra l-Awstraljan, Jason Kubler, 6-2 4-6 5-7 7-6 (7-4) 6-3.

Fil-kategorija femminili kienet Amanda Anisimova li reb­ħet il-konfront bejn l-Amerikani meta għelbet liż-żagħżugħa ta’18-il sena, Coco Gauff, fejn wara li din rebħet l-ewwel set hija kellha tbaxxi rasha meta Anisimova rebħet 6-7 (4-7) 6-2 6-1.

Il-Franċiża, Harmony Tan, li aktar qabel eliminat lil- leġġendarja Amerikana, Serena Williams, issa għelbet lill-Brittanika, Katie Boulter bi skors mill-aktar komdi ta’ 6-1 6-1 fil-ħin relattivament qasir ta’ 51 minuta

Anke r-rebbieħa tal-passat, ir-Rumena Simona Halep, kompliet fit-triq tar-rebħ meta għelbet lill-Pollakka, Magdalena Frech, 6-4 6-1.

Iċ-Ċeka Petra Kvitova sfat eliminata mill-Ispanjola Paula Badosa li għebitha 7-5 7-6 (7-4) waqt li Elena Rybakina tal-Kazakhstan għelbet liċ-Ċiniża, Zheng Qinwen, 7-6 (7-4) 7-5.

Jekk it-Taljan Matteo Berrettini ilu fi kwarantina mindu beda t-tournamnet, illum m’għandux jonqos li huwa bnieden kuntent meta l-għarusa tiegħu, l-Awstraljana, Ajla Tomljanovic, għaddiet għar-raba’ round meta għelbet liċ-Ċeka Barbora Krejcikoca, wara li din ippareġġat il-partita li ntemmet 6-2 4-6 6-3 favur Tomljanovic.

Sport