Tuesday, May 14, 2024

TTD 2022: Se tiġi ntrodotta t-teknoloġija semi-awtomatizzata

Aqra wkoll

Il-FIFA kkonfermat li se tintuża teknoloġija semi-awtomatizzata u avvanzata fit-Tazza tad-Dinja fil-Qatar biex jitħaffef iż-żmien li jittieħdu deċiżjonijiet ta’ offside.

Minbarra sensor fin-nofs tal-ballun, li jibgħat data 500 darba fis-sekonda biex jiddetermina l-kick-point eżatt, 12-il kamera dedi­kati multi-tracking li huma “100% si­n­­­­­kronizzati” se jiġu mmuntati fuq il-bejt ta’ kull stadium biex isegwu l-ballun u 29 punt fuq kull player, tibgħat data 50 darba kull sekonda biex tikkalkula l-pożizzjoni eżatta tagħhom fil-ground.

Kwalunkwe player f’pożizzjoni ta’ offside se jagħti twissija fil-kabina tal-VAR li tista’ tiġi trasmessa lir-referee fil-ground.

Is-sistema ġiet ippruvata fit-Tazza Għarbija u fit-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tas-sena l-oħra, fejn kien stmat li naqqset il-ħin meħud biex jittieħdu deċiżjonijiet mill-VAR tal-offside minn 70 għal 25 sekonda.

“Aħna pożittivi ħafna. Hija lesta,” qal il-kap tar-referees tal-FIFA, Pierluigi Collina.

Intqal li ż-żieda fl-użu tat-teknoloġija qed tagħmel lir-referees prattikament impotenti f’termini ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Collina, li kien ivvutat bħala l-aqwa re­feree fid-dinja għal sitt staġuni konsekuttivi mill-1998 sal-2003 u ħa t-tmexxija tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2002 bejn il-Brażil u l-Ġermanja, jiċħad li dan hu l-każ u jgħid li għad ikun hemm lok għal dibattitu dwar deċiżjonijiet.

“Qrajt dwar ir-referees robots,” huwa qal. “Nifhem li dan huwa tajjeb ħafna għall- aħbarijiet iżda mhux il-każ.

“L-uffiċjali tal-logħba għadhom involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. It-tek­noloġija semi-awtomatizzata tagħti tweġiba biss meta player ikun f’pożizzjoni ta’ offside meta jilgħab il-ballun. L-evalwazzjoni li jinterferixxi ma’ avversarju u jara jekk handball jew li sar foul jibqa’ fid-diskriz­zjoni tar-referee.

“L-għan tagħna huwa li r-referees jieħdu deċiżjonijiet b’mod korrett fil-ground. Jekk jiġri xi ħaġa ħażina, ir-referee jista’ jieħu vantaġġ mit-teknoloġija biex jieħu viżjoni aħjar ta’ dak li ġara – iżda xorta jkun hemm lok għal diskussjoni.”

Il-koppja tal-Premier League, Anthony Taylor u Michael Oliver, intgħażlu fost il-panel elite tar-referees li se jinġabru fil-Qatar ġimgħatejn qabel it-Tazza tad-Dinja għall-istruzzjonijiet finali.

Filwaqt li kien hemm dibattitu dwar iż-żmien li jittieħed biex jiġu determinati l-offsides – speċjalment dawk li ġew imsejħin ‘deċiżjonijiet tad-dwiefer tas-saqajn’ – Collina ma iqisx it-teknoloġija l-ġdida tal-offside b’mod differenti mis-sistemi użati biex jiġi determinat jekk ballun qabiżx il-linja jew le.

Famużament, dan ma ħadimx fl-ewwel logħba tal-Project Restart tal-Premier Lea­gue, meta Hawk-Eye ma lemħitx lill-goalkeeper ta’ Aston Villa, Orjan Nyland, kien daħħal il-ballun fil-lasti tiegħu stess. Collina ma jħossx li din hija kwistjoni.

“It-teknoloġija taħdem ħafna mill-ħin,” huwa qal. “Din hija deċiżjoni waħda ħażina li niftakar f’eluf ta’ oħrajn korretti.

“It-teknoloġija tal-goalline toffri preċiżjoni għolja ħafna. Jekk il-ballun jaqsam jew ma jaqsamx il-linja bi ftit millimetri kulħadd huwa kuntent. L-istess huwa b’tek­noloġija semi-awtomatizzata. Jekk il-player ikun onside jew offside, it-teknoloġija għandha tiġi mfaħħra wkoll.

“Ma nistgħux niżlu għal erba’ jew ħames sekondi għal deċiżjoni. Din tkun l-aspettattiva l-ħażina. Iżda niżlu minn 70 sekonda għal 20 jew 25. Dan huwa importanti. Din is-sistema tkun aktar mgħaġġla u preċiża.”

Sport