Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta qed jistieden lill-pubbliku biex jesperjenza l-ispirtu tad-Dragon Boat Festival f’avveniment li se jsir is-Sibt, 13 ta’ Ġunju 2026, mill-10:00am ’il quddiem fil-Klabb tar-Regatta tal-Birgu.
Dan il-Festival huwa wieħed mill-eqdem u l-aktar festi tradizzjonali maħbuba fiċ-Ċina, għandu aktar minn 2,000 sena storja, u jfakkar lill-poeta u statista Qu Yuan. Magħruf għall-patrijottiżmu u l-integrità tiegħu, Qu Yuan jingħad li tefa’ lilu nnifsu fix-xmara wara li ra s-saltna fejn trabba’ hu taqa’ minħabba l-korruzzjoni u t-taqlib politiku. Ir-raħħala tal-lokal ħarġu bid-dgħajjes biex jippruvaw isalvawh, waqt li bdew idoqqu t-tnabar u jħabbtu mal-ilma biex ibeżżgħu l-ħut u l-ispirti ħżiena ħalli ma jmissux lil Qu Yuan. Huwa maħsub li dawn l-azzjonijiet taw bidu għat-tiġrijiet tad-dragon boat li għadhom isiru sal-lum.
Tradizzjoni oħra marbuta ma’ dan il-festival hija ż-zongzi — ross glutinuż imgeżwer f’weraq tal-bambù. Skont il-leġġenda, meta r-raħħala ħarġu jfittxu lil Qu Yuan fuq l-ilmijiet tax-xmara, huma tefgħu dawn il-pakketti tar-ross fl-ilma sabiex il-ħut jiekol lilhom minflok il-ġisem tiegħu. Matul dan l-avveniment speċjali f’Malta, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jduq iż-zongzi tradizzjonali u jiskopri waħda mit-togħmiet l-aktar emblematiċi tal-festival.
Fl-isfond tal-atmosfera marittima tal-Birgu, l-avveniment se jlaqqa’ flimkien parteċipanti Ċiniżi u Maltin f’ċelebrazzjoni ta’ ħbiberija, ħidma f’tim u skambju kulturali. Flimkien mat-tlielaq eċċitanti bid-dgħajjes Maltin, il-viżitaturi jistgħu jgawdu wirjiet taż-żfin tal-iljun Ċiniż u tnabar tradizzjonali, kif ukoll atmosfera festiva li tgħaqqad it-tradizzjonijiet Ċiniżi mal-ispirtu Mediterranju ta’ Malta.
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi u jinkoraġġixxi lit-timijiet hekk kif ikunu qed jaqdfu lejn ir-rebħa f’ċelebrazzjoni unika fejn il-wirt kulturali Ċiniż jiltaqa’ mal-ospitalità Maltija.
Flimkien nitħabtu għar-rebħa. Flimkien niċċelebraw il-ħbiberija.


