Il-Kampjonat Nazzjonali tat-Time Trial 2026, organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, sar nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju 2026 fuq iċ-ċirkwit tas-Coast Road, is-Salini. Il-kompetituri kollha affrontaw distanza ta’ 30 kilometru, mifruxa fuq ħames dawriet.
Fil-kategorija Elite tal-Irġiel, Andrea Mifsud ta’ Team Polti Visit Malta kiseb l-ewwel titlu nazzjonali tiegħu tat-Time Trial, wara prestazzjoni mill-aqwa li wasslitu biex itemm it-tellieqa f’ħin ta’ 38:02.88. Mifsud wasal għal dan is-suċċess ftit ġimgħat biss wara li għamel l-istorja bħala l-ewwel ċiklista Malti li pparteċipa fil-Giro d’Italia.
Fit-tieni post spiċċa Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta, li kien rebaħ l-aħħar tliet edizzjonijiet tal-kampjonat, b’distakk ta’ 36.09 sekonda minn Mifsud. John Camilleri ta’ Bike it Up Racing temm fit-tielet post b’ħin ta’ 40:09.23.
Fil-kategorija tan-Nisa, Marie Claire Aquilina ta’ Team Greens rebħet it-tmien titlu nazzjonali tagħha tat-Time Trial wara li rreġistrat ħin ta’ 49:20.77. Warajha spiċċaw iż-żewġ ċiklisti ta’ Team Greens, Michelle Vella Wood (51:26.51) u Katinka Zahra Lehtonen (1:07:21.33).
Fil-kategorija Masters 40+, Etienne Bonello ta’ Team Greens kiseb it-titlu nazzjonali b’ħin ta’ 43:53.98. Arek Kawalec, ukoll ta’ Team Greens, spiċċa t-tieni b’44:35.49, filwaqt li Liran Ben Ari ta’ The Cyclists by Agones temm fit-tielet post b’45:07.28.
Fil-kategorija Masters 50+, Adrian Bezzina ta’ The Cyclists by Agones kiseb it-titlu nazzjonali b’ħin ta’ 46:58.48. David Cushing ta’ Bike it Up Racing spiċċa fit-tieni post b’50:40.25.
Fil-kategorija Juniors, Andrei Cassone ta’ The Cyclists by Agones ġie nkurunat Champion Nazzjonali wara li temm it-tellieqa f’44:39.92. Ryan Gatt, ukoll ta’ The Cyclists by Agones, spiċċa fit-tieni post b’48:46.48.
Il-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ kienu saru nhar il-Ħadd 17 ta’ Mejju 2026 fix-Xewkija, Għawdex, waqt attività organizzata minn D Sports Lab.
Fil-kategorija Under 16 Subien, Harry Carmont ta’ Mosta Cycling Club rebaħ it-titlu nazzjonali wara li temm is-17.5 kilometru f’27:40.38. Neil Cassar ta’ Team Greens spiċċa t-tieni (28:49.62), filwaqt li Liam Daly ta’ Shamrock Stars kiseb it-tielet post (29:09.63).
Fil-kategorija Under 16 Bniet, Nina Curmi ta’ D Sports Lab kisbet it-titlu nazzjonali b’ħin ta’ 34:54.51, segwita minn Katie-Anne Vella Wood ta’ Team Greens (35:00.12).
Fil-kategorija Under 14 Subien, Ethan Cumbo ta’ Team Greens rebaħ it-titlu nazzjonali wara li temm id-12.5 kilometru f’21:00.82. Kurt Grech ta’ Mosta Cycling Club spiċċa t-tieni (29:04.76), filwaqt li Ayden Vella ta’ D Sports Lab kien it-tielet (32:36.06). Fil-kategorija Under 14 Bniet, Mickaya Fava ta’ Shamrock Stars rebħet it-titlu nazzjonali b’ħin ta’ 26:54.76.
Fil-kategorija Under 12 Subien, Mosta Cycling Club iddomina kompletament il-podju. Raphael Buhagiar ġie nkurunat Champion Nazzjonali wara li temm is-7.5 kilometru f’14:45.20. Zachary Vella spiċċa t-tieni b’14:47.75, filwaqt li Nolan Tabone kiseb it-tielet post b’15:01.44.
Fi tmiem il-kompetizzjoni saru l-preżentazzjonijiet tal-premjijiet mir-rappreżentanti tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, John Zammit, Joe Bajada u Daniel Borg Olivier, rispettivament President, Segretarju Ġenerali u Teżorier tal-Federazzjoni.

