Tuesday, June 30, 2026

Mhux mewġa ta’ sħana…. imma bidla fil-klima

…..mewġa ta’ sħana li mhux isseħħ b’mod iżolat…seħħet wara livelli rekord  tat-temperatura f’wiċċ il-baħar

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jien dejjem kont naħdem bil-jack hammer fil-kanali. Għamilt għomri u żmieni. Anki wara nofsinhar konna naħdmu. Ix-xemx ta’ llum m’għadhiex l-istess. Illum jekk tmur taħdem f’dawk il-ħinijiet, iddub. Ix-xemx m’għadiex li kienet”. Dan kien il-kumment li għaddielna ħaddiem li għamel snin twal jaħdem barra fix-xmux. Mitkellmu ma’ atleta u jgħidilna li “kien hemm żmien meta kont noħroġ niġri wara it-8 ta’ filgħodu, illum tant l-arja tkun għadha sħuna li m’għadnix niflaħ niġri f’dak il-ħin. Qiegħed inmur fil-5.00 ta’ filgħodu meta x-xemx tkun għadha tiela”.  Ikompli li “nista’ ngħidlek li x-xemx tant saret qawwija, li għadni kif tlajt Sqallija bil-karozza, għamilna jumejn u meta kont inkun insuq kelli npoġġi xugaman fuq saqajja għax ix-xemx tirrifletti biex taħraqli saqajja”. 

Il-mistoqsija u l-argument li qegħdin iqumu dwar il-mewġa ta’ sħana  li laqtet għadd ta’ pajjiżi Ewropej hi jekk ix-xemx ta’ llum hux aktar qawwija minn dik ta’ ammont ta’ snin ilu. Talk News tkellem ma’ għadd ta’ persuni li ħadmu fi xmux snin ilu, fis-sebgħijiniet, tmeninijiet u fid-disgħinijiet, u kollha jgħidulek li llum ix-xemx hi aktar qawwija. Li t-temperaturi llum m’għadekx tissapportihom f’ċerti ħinijiet.

Ħaddiem li ħadem bil-jack hammer fi trinek jgħidilna li “jien ħajti dejjem bil-jack hammer fit-trinek. Fis-sajf konna nibqgħu għaddejjin. Anki wara nofsinhar. Konna nneħħu l-flokk, nitfgħu flokk abjad fuq għonqna, kapell tat-tibna u nibqgħu għaddejjin. Lanqas konna nindilku. Xi snin ilu konna bdejna nindilku b’ingwent kontra x-xemx. Illum jekk tmur taħdem fl-istess kundizzjonijiet kif konna naħdmu aħna tispiċċa iddub fil-kanal li tkun qiegħed tagħmel”. 

Qiegħda ssir kważi impossibbli toħroġ barra f’ċertu ħinijiet

Bidwi li tkellem ma’ Talk News qalilna li “llum saret kważi impossibbli toħroġ barra f’ċertu ħinijiet. Kien hemm żmien meta fl-eqqel ħin ta’ wara nofsinhar konna nintasbu taħt xi siġra għall-frisk u noqogħdu insewwu l-basal li nkunu għadna kemm qlajna, jiġifieri, naqtgħulu l-faxxina u l-għeruq. Illum bil-longa li jkun hemm Lanqas tissapporti. Illum kif isiru l-11.00 ta’ filgħodu trid iddabbar rasek x’imkien ġewwa. Jien min jaf kemm wara li naħdem l-għalqa kont inmur nitfa’ n-nassi għall-vopi u ċ-ċawl wara nofsinhar. Fejn tmur illum wara nofsinhar? Issir tabakk.”

Mhux biss sħana imma tibdil fil-klima… kienet tkun impossibbli 50 sena ilu

Intant fl-aħħar jiem kien hemm diversi riċerkaturi u xjenzati li tkellmu dwar din il-mewġa ta’ sħana. Studju jindika t-tisħin globali bħala responsabbli għat-temperaturi għoljin mhux tas-soltu rreġistrati f’dan l-avveniment  tat-temp

Il-mewġa tas-sħana tal-bidu tas-sajf li ħakmet ħafna mill-Ewropa tal-Punent kienet tkun “prattikament impossibbli” biss 50 sena ilu, skont konklużjoni ewlenija ta’ studju minn World Weather Attribution (WWA). Dan l-istudju sar minn grupp ta’ xjentisti li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni ta’ rapporti dwar avvenimenti estremi tat-temp u t-tibdil fil-klima.

Dawn ix-xjenzati stħarruġu fuq din il-mewġa tas-sħana straordinarja, li mistennija tkompli timbotta t-temperaturi ogħla għal diversi jiem oħra f’partijiet tal-kontinent Ewropew. 

Ir-rabta bejn iż-żieda f’avvenimenti ta’ sħana estremi bħal dawn madwar id-dinja — kemm fil-frekwenza kif ukoll fl-intensità — u t-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem hija dokumentata sew f’diversi studji. Dak li għamlu r-riċerkaturi tal-WWA, immexxija minn Theodore Keeping taċ-Ċentru tal-Politika Ambjentali fl-Imperial College London, issa huwa li jikkwantifikaw kemm it-tisħin globali kkontribwixxa għal dan l-episodju speċifiku, li ħalla temperaturi rekord madwar l-Ewropa.

Dawn ix-xjentisti jikkonkludu li nofs seklu ilu, fl-1976, mewġa ta’ sħana ta’ din l-intensità kienet tkun “prattikament impossibbli li sseħħ f’Ġunju, filwaqt li wkoll improbabbli ħafna fi kwalunkwe żmien tas-sena.”

Mewġa ta’ sħana simili f’Ġunju kienet tkun madwar 3.5°C (38.3ºF) aktar friski matul il-jum fl-1976. It-temperaturi ta’ billejl kienu jkunu madwar 2.4°C (36.3ºF) aktar friski f’Ġunju 1976, iżid ir-rapport.

L-awturi għamlu l-istess analiżi għall-2003, meta l-Ewropa esperjenzat l-ewwel mewġa ta’ sħana ewlenija ta’ dan is-seklu. Huma kkonkludew li, kieku seħħet 23 sena ilu, it-temperaturi ta’ matul il-jum kienu jkunu madwar 2°C (35.6ºF) aktar friski u madwar 1.3°C (34.3ºF) aktar friski matul il-lejl.

“Dan l-avveniment ma kienx ikun possibbli f’Ġunju mingħajr it-tibdil fil-klima,” jenfasizza Keeping. L-istudju jeskludi wkoll kwalunkwe influwenza sinifikanti minn El Niño, li għadu kif beda.

Keeping jispjega li Ġunju f’ħafna partijiet tal-Ewropa tal-Punent huwa x-xahar li “qed jisħon l-aktar malajr.” Dan jissarraf f’bidu aktar kmieni ta’ mewġiet ta’ sħana.

Simon Stiell, Kap ta’ Dipartiment marbut mal-bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti, iddikjara li l-mewġa ta’ sħana fl-Ewropa għandha l-marki tas-swaba’ tal-bidla fil-klima” qal Simon Stiell, il-kap tal-klima tan-NU. Hu  fakkar fil-ħtieġa li l-ekonomija globali titbiegħed mill-użu tal-‘fossil fuels’ biex tevita li l-problema tkompli tiggrava. “It-tibdil fil-klima qed joħroġ minn taħt kontroll minħabba l-vizzju tad-dinja għall-ħruq tal-faħam, iż-żejt u l-gass,” iddikjara Stiell.

“Is-soluzzjonijiet huma daqstant ċari: bidla aktar mgħaġġla lejn sorsi rinnovabbli – li issa huma ħafna irħas mill-‘fossil fuels’ – kif ukoll il-protezzjoni tal-foresti u t-tisħiħ tar-reżiljenza għall-klima. Inkella, l-impatti minn dawn it-tipi ta’ avvenimenti estremi se jiżdiedu”, iddikjara Stiell. 

Il-mewġiet ta’ sħana għandhom impatt dirett fuq is-saħħa, speċjalment fost l-aktar gruppi vulnerabbli, bħall-anzjani. Hans Henri P. Kluge, id-direttur reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa, qal ġimgħa ilu li l-mewġiet tas-sħana “issa huma kriżi rikorrenti li tikkawża tbatija, tieħu l-ħajjiet u tkisser is-sistemi u l-infrastruttura tas-saħħa tagħna.” Huwa fakkar li fl-aħħar erba’ snin biss is-sħana ħadet il-ħajja ta’ aktar minn 200,000 ruħ fl-Ewropa. Iżda dawk l-imwiet huma biss “parti żgħira” b’miljuni oħra ta’ nies jiġu affettwati fiżikament u mentalment. 

Ta’ min jgħid li “l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u gassijiet oħra li jaqbdu s-sħana ilhom jgħollu t-temperaturi madwar id-dinja għal aktar minn seklu. Is-sħana żejda kollha fuq il-wiċċ tad-Dinja tippermetti li x-xejriet tat-temp tas-sajf iwasslu għal ġranet aktar sħan u ljieli aktar soffokanti milli kienu qabel.

X’ġara fl-Ewropa?

Diversi pajjiżi fl-Ewropa fl-aħħar jiem iġġieldu mewġa ta’ sħana rekord.  Temperaturi għolja ħafna qed ikissru r-rekords madwar l-Ewropa hekk kif il-kontinent qed jiġġieled mewġa ta’ sħana fatali. Nhar it-Tlieta u l-Erbgħa, Franza għaddiet mill-aktar jiem sħan fl-istorja tagħha, bir-reġjuni tal-Punent jilħqu temperaturi għoljin bejn 39°C u 43°C (102°F u 109°F). L-Erbgħa kienet l-aktar ġurnata sħuna ta’ Ġunju rreġistrata fir-Renju Unit, bit-temperatura titla’ għal 36.1°C (97°F). Spanja, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Olanda u l-Iżvizzera kollha kisru r-rekords tat-temperatura ta’ Ġunju f’diversi siti.  Ġie rrappurtat li kawża ta’ din is-sħana diġà ntilfu ħajjiet.

Din il-mewġa ta’ sħana storika mhix qed isseħħ b’mod iżolat. Mewġa ta’ sħana li seħħet jiem wara li t-temperatura globali tal-wiċċ tal-baħar reġgħu laħqu livelli rekord. Sadanittant, l-uffiċċju tat-temp tal-Awstralja ddikjara El Niño attiv, u b’hekk sena aktar sħuna u niexfa fl-Awstralja, l-Asja u l-Paċifiku t’Isfel qed issir ħafna aktar probabbli. 

Ix-xjentisti qed jitilfu l-irqad minħabba l-mewġa ta’ sħana Ewropea attwali għal żewġ raġunijiet ewlenin.  Fl-Ewropa, l-aktar żmien sħun tas-sena jiġi f’nofs sa tmiem Lulju, madwar xahar wara s-solstizju tas-sajf. Madankollu, riċerka reċenti tissuġġerixxi li l-ġranet ta’ stress intens mis-sħana issa qed jibdew jaslu f’Ġunju. Mill-1950 ‘l hawn, mewġa ta’ sħana ewlenija oħra biss waslet qabel il-mewġa ta’ sħana attwali, li qed tiżvolġi ġimgħat qabel il-quċċata tas-sajf Ewropew.

L-evidenza attwali turi li t-tibdil fil-klima qed jagħmel il-mewġiet ta’ sħana aktar frekwenti u intensi. Studju wieħed eżamina l-mewġa tas-sħana li laqtet ix-Xlokk tal-Ingilterra f’Ġunju 2025. Instab li mingħajr l-effett tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-bniedem, mewġa tas-sħana bħal din isseħħ darba biss kull 50 sena. Iżda meta r-riċerkaturi kkunsidraw iż-żieda fit-temperatura ta’ 1.3°C ikkawżata mit-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem, dan sar mill-inqas darba kull ħames snin.

Ir-riċerka turi li fil-ħames deċennji bejn l-1950 u l-1999, l-Ewropa għaddiet minn ħames mewġiet ta’ sħana intensa. Bejn l-2000 u l-2021, kien hemm 18-il mewġa ta’ sħana bħal dawn. Żid ma’ dan il-mewġiet ta’ sħana estremi tal-2022, l-2023 u l-2025, u din iċ-ċifra titla’ għal aktar minn 20 mewġa ta’ sħana severa f’25 sena biss. Għalhekk l-evidenza hija ċara—il-mewġiet ta’ sħana Ewropej qed iseħħu ħafna aktar spiss.

Skont il-European Climate Risk Assessment,  il-mewġiet ta’ sħana diġà joħolqu riskju kritiku għas-saħħa tan-nies madwar in-Nofsinhar tal-Ewropa. U fis-snin li ġejjin, il-komunitajiet fin-Nofsinhar u l-Punent-Ċentrali tal-Ewropa se jkunu l-aktar f’riskju ta’ mard u mewt relatati mas-sħana. Dak li jagħmel din il-mewġa ta’ sħana daqshekk severa hija l-kombinazzjoni ta’ temperaturi estremi u umdità għolja.

F’pajjiżna ftit nifs b’riħ mill-Majjistral

Intant f’pajjiżna, għalkemm is-sħana li qiegħda tagħmel mhix kwantifikata bħala mewġa ta’ sħana, se jkollna fTit ta’ nifs hekk kif mistennija li jiġi riħ mill-Majjistral.  F’Malta r-riħ Majjistral mistenni minn nhar l-Erbgħa b’Forza 4 u li jiżdied għal Forza 6 nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa filgħodu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport