Friday, May 3, 2024

Andrea Purgatori

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Min isegwi l-politika internazzjonali, din il-ġimgħa ma setax ma jkunx maħsud bil-mewt ta’ wieħed mill-aqwa ġurnalisti f’dan il-qasam. Dan wara li ġewwa l-Italja tħabbret il-mewt ta’ Andrea Purgatori, wiċċ familjari ħafna fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Taljani, l-aktar fuq l-istazzjon LA7 u awtorità fil-ġurnalizmu investigattiv internazzjonali. Purgatori ħalla din id-dinja fl-età ta’ 70 sena wara li ħakmitu marda qalila. Purgatori kellu ‘following’ eċċezzjonali anke fuq il-midja soċjali u fuq il-Youtube.
 
Min kien Purgatori?

Andrea Purgatori ilu fix-xena ġurnalistika għal dawn l-aħħar ħamsin sena. Kien attiv ukoll fiċ-ċinema u anke fuq skala iżgħar fit-teatru. Fil-bidu tal-karriera ġurnalistika tiegħu, Purgatori kkonċentra fuq il-kitba fuq il-ġurnali, l-aktar bħala reporter fuq il-mafja u t-terroriżmu fuq il-Corriere della Sera. Imbagħad, l-aktar f’dawn l-aħħar għoxrin sena, huwa tefa’ l-isforzi kollha fuq il-produzzjonijiet televiżivi.

Minkejja l-firxa kbira ta’ xogħlu, Andrea Purgatori jibqa’ magħruf għall-investigazzjonijiet ġurnalistiċi li għamel fuq suġġetti jaħarqu ħafna, suġġetti li jvarjaw minn traġedji marittimi għall-attentati Mafjużi u terroristiċi li fnew lill-Italja, kif ukoll għad-diversi skandli internazzjonali, skandli li jinkludu lill-Vatikan u l-ħajja ta’ politiċi internazzjonali bħal Donald Trump.
 
L-inkjesti fuq il-Mafja u delitti oħra

Purgatori għamel ħafna xogħol investigattiv fuq il-Mafja u organizzazzjonijiet kriminali oħrajn ġewwa l-Italja fosthom l-Ndrangeta tar-Reggio Calabria, il-Camorra ta’ Napli, La Banda della Magliana ta’ Ruma u organizzazzjonijiet oħra kriminali Rumani.

Minn dawn l-investigazzjonijiet ħarġu dokumentarji ċelebri, li ħafna minnhom ixxandru fuq il-programm tiegħu li kien iġib l-isem ta’ Atlantide, appuntu fuq il-LA7. Jibqgħu jissemmew l-episodji fuq l-arrest tal-boss Mafjuż Matteo Messina Denaro, fuq Toto’ Riina, fuq il-kriminali magħruf Massimo Carminati li kien ibbażat ġewwa Ruma u fuq diversi esponenti tal-Camorra Naplitana.

Purgatori għamel ħafna programmi wkoll fuq l-istraġijiet ta’ Capaci u Via d’Amelio ġewwa Sqallija li fihom kienu ġew assassinati l-imħallfin Falzone u Borsellino.
Purgatori għamel ukoll programm ċelebri fuq l-assassinju ta’ Aldo Moro u anke fuq il-ġlied politiku li kien ħakem lill-Italja fis-snin sebgħin u tmenin, żmien li ħafna drabi jissejjah bħala ‘gli anni di piombo’.

Assoċjati ħafna ma’ dan iż-żmien ta’ ġlied bejn l-Neo -Faxxisti u l-Kommunisti, Purgatori pproduċa diversi dokumentarji fuq l-istraġijiet li kienu fnew lill-Italja kagun ta’ diversi attentati terroristiċi minn għaqdiet faxxisti u komunisti, fosthom l-istraġi tal-istazzjon ta’ Bologna.

Programm ieħor li daħal fl-istorja tal-ġurnaliżmu investigattiv Taljan u internazzjonali kien dak li fih Purgatori investiga d-delitt tal-ġurnalista investigattiv u kontroversjali Mino Pecorelli, delitt li sar 40 sena ilu u li qatt ma ġie solvut. Fuq dan id-delitt kien ġie investigat ukoll l-ex Prim Ministru Giulio Andreotti.

F’dan id-dokumentarju, Purgatori kien għamel lista ta’ nies li dan Pecorelli kien xellef difrejh magħhom minħabba l-kitba kontroversjali li kien jippubblika fuq il-magażin tiegħu li kien iġib l-isem ta’ OP. Purgatori kien anke sab ukoll konnessjoni bejn il-mewt tal-Papa Gwann Pawlu l-ewwel, mewt li kienet qajmet ħafna suspetti tant li kien hemm minn qal li dan kien ġie assassinat, u l-qtil tal-istess Pecorelli.
 
Il-każ ta’ Emmanuale Orlandi

U kif qeghdin nitkellmu fuq ir-relazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u Purgatori, mingħajr dubju ta’ xejn, l-aktar dokumentarju li għamel Purgatori li kiseb popolarità kien dak li fih investiga l-għajbien ta’ Emmanuela Orlandi. Din Orlandi kienet tfajla Taljana però b’ċittadinanza u residenza Vatikana minħabba li missierha kien impjegat tal-Vatikan.

Orlandi kienet ġiet irrappurtata nieqsa aktar minn 40 sena ilu u minn dakinhar ħadd ma jaf x’sar minnha. F’dan il-programm, Purgatori investiga kull possibilità li ssemmiet matul dawn id-deċenji bl-għajnuna ta’ ħu Emmanuala. Fost il-mottivi li ssemmew wara dan l-għajbien kien hemm dak li Orlandi kienet inħatfet sabiex jiġi meħlus Mehmet Ali Agca, it-terrorista Tork li kien ipprova joqtol lill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni.

Mottiv ieħor li kien investiga Purgatori kien li l-Mafja Siċiljana kienet qabdet lil xi kriminali Rumani jaħtfu li din it-tifla sabiex ikunu jistgħu jirrikattaw lill-Vatikan sabiex dan jirritorna miljuni kbar ta’ dollari li l-Mafja kienet tilfet meta kien falla l-Banco Ambrosiano,  bank b’assoċjazzjoni diretta mal-Vatikan u li kien immexxi minn Roberto Calvi u l-Kardinal Marcincus, kardinall li dik il-ħabta kien l-ministru tal-finanzi tal-Papa.

Ta min jghid li Calvi kien instab mghallaq taht pont gewwa l-Ingilterra wara li kien harab mill-Italja minhabba dan il-falliment. Pero’, l-mottiv li skond Purgatori huwa l-aktar possibli kien li din il-povra tifla kienet allegatament ġiet abbużata sesswalment ‘minn membru tal-kleru għoli ħafna fil-ġerarkija Vatikana’, ħaġa li waslet sabiex il-Vatikan reġa’ fetaħ l-inkjesta fuq dan il-każ.

Dejjem skont Purgatori, kriminal magħruf Ruman bl-isem ta’ Renatino de Pedis kien tqabbad sabiex jeħles minn din il-tfajla għaliex kien hemm il-possibilità li kienet sejra tikxef lill-allegat stupratur. Purgatori sab evidenza wkoll li dan il-kriminal, bħala ringrazzjament għal dak li kien għamel, kien indifen ġewwa bażilika magħrufa ġewwa Ruma, unur li huwa rari ħafna li jingħata lil xi ħadd.

Permezz ta’ dan il-dokumentarju Purgatori kiseb aktar fama mondjali għaliex dan ixxandar fuq Netflix. Mingħajr dubju ta’ xejn bil-mewt ta’ Purgatori, il-poplu Taljan tilef wieħed mill-ġurnalisti mill-aktar ġentlomi u li kienu afdati ta’ kull żmien. Fuq il-midja soċjali spikkaw ħafna kummenti li bil-mewt tiegħu, każijiet bħal appuntu dak ta’ Emmanuele Orlandi, mhuma sejrin jiġu solvuti qatt.

Sport