Saturday, May 18, 2024

Anzjan mhux ħati li abbuża minn tifla ta’ 12-il sena

L-Imħallef li semgħet il-ġuri ma emmnitx il-verżjoni tat-tifla li ammettiet li ġieli gidbet

Aqra wkoll

Anzjan ta’ 65 sena ġie lliberat mill-akkuża li wettaq attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ 12-il sena fil-garaxx tiegħu fiż-Żejtun sentejn ilu.

L-akkużat, li ismu mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti, beda għaddej ġuri jumejn ilu, liema ġuri nstema’ fil-magħluq u ġie fi tmiemu llum.

Huwa kien akkużat li kien involut f’attività sesswali ma’ persuna taħt l-età u b’korruzzjoni ta’ minorenni. L-istess minorenni allegat li hija kienet marret mal-akkużat biex tiġbor xi ikel minn ħanut tat-take away mal-anzjan u minflok ħadha f’garaxx fejn allegatament seħħ l-abbuż.

Madankollu, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet il-ġuri, iddikjarat li sabitha diffiċli li temmen il-verżjoni tat-tifla wara li l-minuri stess kienet ammettiet li hija ġieli gidbet.

Filwaqt li nnotat li l-verżjoni tal-anzjan kienet waħda kredibbli u konsistenti, l-allegata vittma kienet tat verżjonijiet differenti kemm meta tkellmet fl-iskola kif ukoll fil-verżjoni li tat lill-pulizija u waqt ix-xhieda tagħha fil-Qorti.

Intqal li jidher biċ-ċar li t-tifla għandha immaġinazzjoni kbira sesswali u li ta’ età tenera kienet diġà attiva sesswalment. Il-Qorti rrimarkat ukoll dwar nuqqasijiet fl-investigazzjonijiet tal-pulizija f’dan il-każ.

L-Avukati Ishmael Psaila u Arthur Azzopardi dehru għall-anzjan.

Sport